Internazzjonali

Jinqatel ġurnalista anti-ISIS fit-Turkija

Il-ġurnalista u produttur tal-films Naji Jerf inqatel minn assassini fid-dawl tax-xemx waqt li kien fl-inħawi ta’ Gaziantep, qrib il-fruntiera Torka mas-Sirja.

Jerf, li kien kritiku qalil tal-ISIS, spiċċa jaqla’ tiri ta’ arma b’silencer, bl-ebda grupp ma jassumi responsabbiltà għad-delitt. Intant, l-akbar probabbiltà hu li dan il-ġurnalista u attivist spiċċa vittma ta’ sostenituri tal-ISIS fit-Turkija.

Jerf kien id-direttur tal-films għal Raqqa is Being Slaughtered (RBSS), li hu l-isem tal-grupp ta’ ġurnalisti li qed jissugraw ħajjithom kuljum biex jirrappurtaw l-abbużi tal-ISIS. Il-qtil partikolari hu anki t-tieni wieħed f’ġimagħtejn ta’ membru tal-grupp.

Sadanittant, Naji Jerf idderieġa żewġ dokumentarji riċenti, b’wieħed jittratta l-qtil ta’ attivisti Sirjani mill-ISIS fil-belt ta’ Aleppo u bl-ieħor jiddettalja l-ħidma tal-RBSS.

Naji Jerf kien anki l-editur ewlieni ta’ Hentah, ġurnal Sirjan li jirrapporta dwar ‘il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Sirjani’.

Intant, l-RBSS għandu numru ta’ ‘ċittadini-ġurnalisti’ jaħdmu minn Raqqa, il-fortizza tal-ISIS fis-Sirja, minkejja li t-terroristi fl-inħawi qed jheddu li joqtlu lil kull membru tal-grupp li jaqbdu taħt idejhom.