Attwalment, wieħed miż-żwiemel li hu kkunsidrat fost l-aqwa bħalissa fl-Italja hija d-debba Potenza OM. Misjuqa minn Pietro Gubellini, dan l-aħħar, din id-debba rnexxilha fil-korsa ta’ Agnano f’Napli l-Italja, tirbaħ it-tiġrija annwali u tradizzjonali Gran Premio Mares. Din it-tiġrija saret fuq distanza ta’ mil u kellha bidu bil-karozza tat-tluq.
Potenza OM iddominat tul id-distanza u f’medja ta’ 1.11.5” temmet rebbieħa minn Olona OK (Roberto Vecchione) u Padania Zeta (Antonio Di Nardo). Olimpia Ban (Manuele Bacalini) temm fir-raba’ pożizzjoni. B’kollox tnax–il żiemel ġrew f’din it-tiġrija. Potenza OM tiġi bint l-istaljun Amerikan Yankee Slide u t-Taljana Francee Di Jesolo. Din id-debba għandha sitt snin u fil-karriera tagħha rebħet il-fuq minn €284.418 fi premijiet. B’kollox ġriet 71 darba fejn rebħet sbatax–il tiġrija u kellha 34 pjazzament. Hu mistenni li fil-ġimghat li ġejjin din id-debba tiġi trasferita Franza biex tieħu sehem f’xi tiġrijiet internazzjonali hemmhekk. Potenza OM għandha rekord ta’ 1.10.9” fil-mil u 1.12.8” fuq distanza ta’ 2100m.
Gosden u Dettori premjati
Fl-Ingilterra fl-aħħar jiem saru l-awards annwali magħrufa bħala l-Horserace Writers and Photographers Derby Awards. John Gosden rebaħ żewġ awards, dak tal-aħjar trainer fl-Ingilterra u l-award tal-aħjar trainer fix-xena nternazzjonali. Minn naħa l-oħra l-jockey Lanfranco Dettori ġie nkurunat bħala l-jockey tas-sena. Award ieħor ingħata lid-diriġent Norman Gundill għat-titjieb li rnexxilu jġib fil-korsa ta’ Pontefract. Ingħata wkoll il-President Award li din is-sena ngħata lis-sidien taż-żiemel Amerikan American Pharoah, rebbieħ aktar kmieni din is-sena tat-Triple Crown fl-Istati Uniti.