Lokali

Is-Segretarju Parlamentari għażel l-aktar triq faċli

L-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjuni tirreaġixxi għal diskors ta’ Stefan Buontempo

B’reazzjoni għal diskors li sar ilbieraħ filgħodu mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo, l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjuni (ANSEK) esprimiet mill-ewwel it-tħassib tagħha għall-fatt li meta Stefan Buontempo rrefera għar-rapport tal-Awditur fuq il-Kunsilli Lokali, tefa’ l-problema kollha fuq is-Segretarji Eżekuttivi.

Il-President ta’ ANSEK, is-Sur Paul Gatt, semma li filwaqt li anki lilu u lill-Assoċjazzjoni jippreokkupawhom ħafna problemi li ħarġu mir-rapport, ikun żball jekk jintefa’ t-tort kollu fuq is-Segretarji Eżekuttivi. ANSEK ilha żmien twil issemmi problemi fis-sistema kollha tal-Gvern Lokali u li sfortunatament baqgħu ma ġewx indirizzati.

Aktar qabel, meta kien qed jindirizza lis-Segretarji Eżekuttivi tal-Kumitati Reġjonali u kunsilli lokali waqt konferenza li ġabet fi tmiemu proġett kofinanzjat minn fondi Ewropej immirat biex itejjeb it-taħriġ tagħhom, is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo qal li l-Gvern qiegħed jinvesti fis-Segretarji Eżekuttivi, li huma l-kapijiet eżekuttivi, finanzjarji u amministrattivi tal-kunsilli lokali, li min-naħa tagħhom għandhom jagħrfu jtejbu ħidmiethom wara li r-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika sab diversi nuqqasijiet matul l-2014.

B’referenza għar-rapport li ħareġ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika dwar il-ħidma tal-kunsilli lokali, is-Segretarju Parlamentari għamilha ċara li ma kienx sodisfatt bir-riżultati ta’ dan ir-rapport, li juri diversi nuqqasijiet amministrattivi u ta’ kontabbiltà fl-operat tal-kunsilli lokali.

“Naf li hemm ħafna minnkom li mexjin sew, imma dan ir-rapport juri li hemm ħafna wkoll li mhux mexjin kif suppost. Qiegħed inġib dawn l-affarijiet kollha għall-attenzjoni tagħkom għax dawn huma inkwetanti,” stqarr Buontempo, filwaqt li saħaq li mhux se jaċċetta aktar sitwazzjonijet fejn kunsilli lokali ma jkollhomx audited accounts, iħallu kuntratti jiskadu, joħorġu direct orders mingħajr bżonn, u ma jżommux kontabbiltà tagħhom skont l-istandard mitlub.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo saħaq li se jieħu l-passi kollha li tippermettilu l-liġi biex jara li l-kunsilli jitmexxew b’mod ġust bl-istandards li jixirqu lill-amministrazzjoni pubblika tal-pajjiż.

Fit-tweġiba tagħha, l-ANSEK qalet li hi ilha ħafna tipproponi li qabel ma Segretarju Eżekuttiv ikun appuntat, apparti t-taħriġ bażiku, għandu jingħata mill-inqas sitt xhur esperjenza f’Kunsill Lokali stabbilit. B’hekk ikollhom l-opportunità jsiru jafu għal xiex se jidħlu. Kif inhi s-sitwazzjoni llum persuna tiġi appuntata Segretarju Eżekuttiv mingħajr taħriġ ta’ xejn. “Kif nistgħu għalhekk ma nistennewx żbalji? Hu tort ta’ dak is-Segretarju Eżekuttiv jekk jiżbalja jew ta’ min poġġieh f’dik il-pożizzjoni?,” qal Paul Gatt.

Is-Sur Gatt għamel aċċenn ukoll għall-fatt li l-Kunsilli Lokali ftit li xejn isibu sapport mid-Dipartiment u kien għalhekk li talab, kif għamel diversi drabi, biex fi ħdan id-Dipartiment jinħoloq Support Unit b’nies kompetenti. Permezz ta’ dan il-Unit id-Dipartiment ikun jista’ jilqa’ għall-problemi qabel ma jseħħu jew qabel ma jkun tard wisq.
Il-President ta’ ANSEK semma każijiet ta’ deficit, fejn il-problema tkun għalkollox barra mill-kontroll tas-Segretarju Eżekuttiv. “Matul iż-żminijiet kellna Sindki li ordnaw xogħol mingħajr ma għaddew la mill-Kunsill u wisq anqas mingħand is-Segretarju Eżekuttiv. Meta s-Segretarji Eżekuttivi ġew iffaċċjati b’kontijiet ta’ eluf ta’ ewro li huma ma kinux awtorizzaw u talbu direzzjoni mid-Dipartiment x’se jagħmlu fuq tali pagamenti, id-Dipartiment ġiegħel lis-Segretarju Eżekuttiv joħroġ il-pagamenti b’dannu fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tat-tali Kunsilli Lokali. Sfortunatament ma ttieħdu l-ebda passi kontra tali Sindki minkejja li abbużaw!”

Din in-nuqqas ta’ azzjoni, u bil-mod kif tkellem is-Segretarju Parlamentari, kompla jgħid Paul Gatt, qed nibagħtu messaġġ ħażin li s-Sindki jistgħu jabbużaw imbagħad nitfgħu t-tort kollu fuq is-Segretarju Eżekuttiv! Hi sfortuna li s-Segretarju Parlamentari għażel l-aktar triq faċli, dik li jwiddeb lis-Segretarji Eżekuttivi għaliex bħal donnhom li huma s-sors tal-problema.

Paul Gatt kompla jgħid li jekk verament il-Kunsilli Lokali jaħdmu b’mod professjonali hemm bżonn tibdil radikali li ANSEK ilha ħafna titkellem dwaru. “Hemm bżonn li lill-Kunsilli Lokali nagħtuhom aktar riżorsi biex jaħdmu. Hemm bżonn li s-Segretarji Eżekuttivi jingħataw id-dinjità li tixirqilhom, b’kundizzjonijiet aħjar li jixirqu kariga b’responsabbiltà ta’ dak il-livell. Ma jistax ikun li nibqgħu ngħabbu lis-Segretarji Eżekuttivi b’aktar responsabbiltà mingħajr ma nagħtuhom ir-riżorsi meħtieġa.”

Il-President tal-ANSEK temm jgħid li jkun inutli nibqgħu nippuntaw subgħajna lejn is-Segretarju Eżekuttiv. “Jekk mhux se jinbidlu l-affarijiet se niġu sena oħra u nerġgħu nitkellmu fuq l-istess problemi.”