L-awtoritajiet fir-Renju Unit komplew jieħdu miżuri urġenti fil-konfront tal-kriżi ta’ għargħar li ilha għal dawn l-aħħar ijiem. Dan meta, baqgħu effettivi almenu 30 twissija li jindikaw periklu għall-ħajja f’diversi zoni tal-Grigal u l-Majjistral tal-Ingilterra.
L-awtoritajiet ħarġu ’l fuq minn 180 flood alert u twissija oħra għal reġjuni madwar l-Ingilterra u Wales, bl-uffiċċju meteoroloġiku jbassar aktar inżul tax-xita, bl-irwiefen, għal għada u l-Erbgħa li mistenni jikkomplika s-sitwazzjoni.
L-elementi tal-maltemp attwali ‘u li għad irid jasal’ ingħataw il-laqam uffiċjali ta’ ‘Storm Frank’, meta s-servizzi tal-emerġenza f’Yorkshire, Lancashire u Greater Manchester qed jikkonfrontaw il-konsegwenzi tax-xita kontinwa li wasslet biex numru ta’ xmajjar ifuru u jħarbtu l-ħajja ta’ kuljum għal numru kbir ta’ residenti.
Ix-xmajjar lejn it-Tramuntana tal-Ingilterra telgħu sa livelli rekord fl-aħħar sigħat u jinkludu x-Xmara Aire, f’Leeds u x-xmajjar ta’ Calder u Ribble. Il-kriżi qed taffettwa postijiet bħal Whalley, Hebden Bridge u Ribchester iżda s-sitwazzjoni madwar ix-Xmara Ouse, fl-inħawi ta’ York, tidher li stabilizzat xi ftit wara li mijiet ta’ nies kellhom jabbandunaw djarhom minħabba l-għargħar dovut għax-xita li niżlet fi żmien il-Milied.
Il-Prim Ministru Britanniku David Cameron żar iz-zoni ta’ Yorkshire li jinsabu mifqugħin bl-ilma u ddefenda s-sistema tal-Gvern li tipprovdi l-fondi għal kontra sitwazzjonijiet ta’ għargħar. Hu qal li l-Parlament għandu jonfoq mat-2.3 biljun lira Sterlina fuq sistemi li jilqgħu l-għargħar, ‘bl-awtoritajiet anki se janalizzaw l-effetti ta’ din is-sitwazzjoni u jaraw x’jista’ jsir aktar’.
Cameron iltaqa’ mal-membri tal-militar li kienu qed jgħinu lir-residenti ta’ York biex itellgħu l-ilqugħ għall-għargħar u fejn kienu qed jagħtu wkoll l-appoġġ numru ta’ voluntiera minn Wales, Cornwall u z-zona tal-Lake District.
//= $special ?>