Il-Prim Ministru tal-Iraq Haider al-Abadi żar l-inħawi ta’ Ramadi fejn il-qawwiet ta’ pajjiżu qed jikkonsolidaw posthom wara li rnexxielhom jeħilsu din il-belt mill-kontroll tal-ISIS wara offensiva twila.
Al-Abadi twassal f’din iz-zona b’helicopter fejn iltaqa’ mal-uffiċjali u l-kmandanti tiegħu. Qabel, il-Prim Ministru Iraqi kien għamel stqarrija solenni għall-2016 fejn sostna li l-qawwiet tiegħu se jirnexxilhom jeliminaw lill-ISIS mill-Iraq.
Fl-istess ħin, Al-Abadi qed jawgura li l-ħtif potenzjali ta’ Mosul mill-qawwiet tiegħu għandu jfisser ‘l-aħħar daqqa fatali għall-ISIS’.
Mosul, li hi t-tieni l-akbar belt tal-Iraq, kienet waqgħet f’idejn it-terroristi tal-ISIS, f’Ġunju tal-2014. L-osservaturi issa qed jistennew offensiva ġdida fuq din il-belt mill-qawwiet Iraqqin li jistgħu jiddependu mill-qawwiet tal-ajru tal-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti
L-aħħar suċċessi militari tal-Iraqqin f’Ramadi ntlaqgħu tajjeb mill-ogħla tmexxija tal-Istati Uniti, bis-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry jisħaq li l-aħħar żviluppi fl-Iraq jitqiesu bħala daqqa ta’ ħarta kbira lit-terroristi tal-ISIS.
Il-belt ta’ Ramadi, li tinsab lejn il-Punent ta’ Bagdad, kienet waqgħet f’idejn l-ISIS f’Mejju u l-qawwiet tal-Gvern Iraqi damu jiġġieldu għal ġimgħat biex jieħdu lura l-kontroll fl-inħawi. Sadanittant, l-uffiċjali Iraqqin ma ħarġux b’ċifri dwar il-maqtula f’din il-battalja mal-ISIS.
Ingħad ukoll li t-terroristi tal-ISIS ħallew ‘ammont ta’ splussivi bla rażan’ qabel abbandunaw Ramadi, bit-truppi Iraqqin għadhom ifittxu għal dak li fadal mill-ġellieda fanatiċi li jingħad qegħdin jokkupaw xi bnadi tal-belt.
//= $special ?>

