Lokali

Jinqabdu wara serqa ħut minn ‘fish farm’; żgħażagħ ta’ 15 u 16-il sena fost l-arrestati

Tliet żgħażagħ inqabdu mill-Pulizija ftit mumenti li wettqu serqa ħut minn fish farm.

Is-serqa ta’ sittax-il kilo ħut, b’valur ta’ aktar minn €300, twettqet it-Tnejn għall-ħabta tad-9.30 ta’ filgħaxija. Iż-żgħażagħ li wettqu s-serqa għandhom 15, 16 u 20 sena.

Kien dak il-ħin li l-Pulizija ġew infurmati b’telefonata anonima li kien hemm dgħajsa suspettuża li kienet qed tbaħħar fl-inħawi ta’ Marsaxlokk.

Malli l-Pulizija marru qrib it-Torri ta’ San Luċjan huma lemħu d-dgħajsa li kienet sejra lejn il-Bajja tal-Qajjenza.

Kien hemmek fejn iż-żgħażagħ niżlu u twaqqfu mill-Pulizija, li sabu l-ħut imqassam f’numru ta’ basktijiet li kellhom magħhom.

Filwaqt li ż-żgħażagħ ġew arrestati, l-investigazzjonijiet tagħhom għadhom għaddejjin.