Tliet żgħażagħ li nqabdu jagħmlu użu minn karti foloz tal-€50 f’Għawdex kienu qed jużaw il-vettura tal-kunsillier tal-Partit Laburista fin-Naxxar, Clifford Galea.
Dan kien ikkonfermat mill-istess Galea li f’kummenti lil The Malta Independent qal li sellef il-karozza tiegħu lil wieħed mit-tliet żgħażagħ.
Hu kkalkulat li ż-żgħażagħ, Jordan Azzopardi ta’ 26 sena mill-Iklin, Naomi Tanti ta’ 21 sena minn Birkirkara u Silvio Camilleri ta’ 31 sena minn Birkirkara, laħqu għamlu qliegħ ta’ €500 sakemm inqabdu.
Huma tressqu l-Qorti iktar kmieni din il-ġimgħa fejn ħareġ li t-tliet persuni daru numru ta’ ħwienet, madwar sittax fosthom pet shops u mini market, minn fejn xtraw oġġetti b’valur baxx imma ħallsu bil-karti foloz ta’ €50.
Madankollu sid ta’ ħanut irrifjuta li jitħallas b’€50 għal oġġett li jiswa’ ferm inqas u rraport lill-Pulizija malli dawn telqu. Hawn il-Pulizija bdiet l-investigazzjoni tagħha, ġew arrestati imma rrifjutaw li jikkoperaw. Għalhekk tressqu l-Qorti fejn ċaħdu l-akkużi kontrihom.
Il-Pulizija bħalissa għaddejja b’ħidma biex tidentifika r-raba’ persuna b’rabta mal-istess każ.