Lokali

Kanun ta’ żmien l-Ingliżi jinsteraq minn Ta’ Xbiex – il-Kunsill jiskopri żmien wara

Kanun ta’ żmien l-Ingliżi li għal snin twal kien propjeta’ tal-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex insteraq, bil-Kunsill Lokali jsir jaf biss fl-aħħar jiem b’dan.

Jirriżulta li dan il-kanun, li bħalu madwar pajjiżna hawn ħafna, kien għadda għand il-lokalita’ mill-eks Prim Ministru Dom Mintoff wara li l-Ingliżi ħallew pajjiżna. Bħal dan il-kanun tqassmu oħrajn lil numru ta’ lokalitajiet.

Iżda meta beda l-proġett tal-bini ta’ mini taħt l-aħt kontra l-għarar, il-kanun ta’ Ta’ Xbiex kien jinsab maħżun propju f’parti fejn kien hemm bżonn li jsir ix-xogħol u għalhekk tneħħa u nżamm fi store tal-kuntrattur fis-sit stess.

Iżda xi żmien wara l-kanun allegatament insteraq bil-Kunsill Lokali jsir jaf b’dan riċentament.Il-Kunsill Lokali kellu l-intenzjoni li ladarba jitlesta l-proġett kontra l-għarar, il-kanun ikun espost biex jitgawda mill-pubbliku. 

Skont il-kuntrattur, dwar din is-serqa sar rapport lill-Pulizija. Dan is-sit ipprova jiċċekkja mal-Pulizija dwar jekk sarx rapprot tas-serqa, iżda n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar meta saret is-serqa tagħmilha diffiċli li wieħed isib ir-rapport lill-Pulizija.

Fil-jiem li ġejjin il-Kunsill Lokali mistenni jlaqqa’ lill-partijiet konċernati biex jiddiskuti x’għandu jsir dwar dan il-każ.

Dan is-sit bagħat mistoqsijiet anke’ lis-Supretendenza tal-Wirt  iżda mhux biss ħadd ma rrisponda l-mistoqsijiet talli l-imejls tagħna lanqas biss ġew rikonoxxuti.

Fir-ritratt jidher kanun tal-istess epoka.