Kultura Lokali

Madwar 21,000 persuna jżuru Betlem f’Għajnsielem fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet

Is-Slaten Maġi jitilqu mill-Italja għall-għeluq ta’ Betlem f’Għajnsielem

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien hemm rekord ta’ attendenza f’Betlem f’Għajnsielem. Dan joħroġ b’konferma wkoll mill-istatistika ta’ Gozo Channel fejn 25,194 passiġġier u 6230 vettura qasmu lejn Għawdex mill-Ġimgħa sal-Ħadd.

Stqarrija mill-organizzaturi tgħid li l-andament wera bi ċar li kien se jkun tmiem il-ġimgħa rekord minħabba diversi fatturi fosthom temp sabiħ u l-attrazzjonijiet ġodda ta’ Betlem f’Għajnsielem.

Fost l-attrazzjonijiet li ġibdu n-nies lejhom kienu l-pont tal-ħabel li jwasslek għal attrazzjoni oħra, fejn wieħed jista’ jesperjenza vjaġġ bid-dgħajsa minn naħa għal oħra. L-attrazzjoni prinċipali tibqa’ l-grotta fejn sar it-twelid ta’ Ġesù Bambin. Kelliem għall-organizzaturi qal li din is-sena hemm sbatax-il tarbija li qed tissinifika lil Ġesù tarbija.

Sadanittant, tħabbar ukoll li kontinġent Għajnselmiż magħmul minn atturio, fis-sigħat li għaddew ħalla Malta lejn Revine Lago, fl-Italja, fejn se ssir iċ-ċerimonja tat-tluq tal-maġi.

Revine Lago hu raħal żgħir fid-daqs tiegħu u jinsab fi tramuntana tal-Italja. F’dan ir-raħal isir ukoll presepju ħaj b’differenza. Bejn illum u għada f’dan ir-raħal se jkun hemm bosta attivitajiet li fihom se jieħdu sehem is-Slaten Maġi ta’ Betlem f’Għajnsielem.

Il-wasla tal-Maġi f’Malta tkun il-Ħamis li ġej, il-31 ta’ Diċembru, għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu, wara se jibqgħu sejrin lejn l-isptar Mater Dei u jżuru l-wards tat-tfal u l-anzjani. Hawnhekk it-tfal qed ikunu mħeġġa biex jiktbu messaġġ jew talba biex jagħtuha lill-maġi ħalli mbagħad jippreżentawha lil Ġesù Bambin nhar il-Ħadd li ġej.

Nhar il- Ħadd 3 ta’ Jannar 2016, jitkompla l-vjaġġ mill-Manikata fit-tmienja ta’ filgħodu lejn iċ-Ċirkewwa. Matul il-vjaġġ il-maġi se jżuru dar tal-anzjani, Dar il-Madonna tal-Mellieħa, imbagħad fl-għaxra u nofs issir iċ-ċerimonja ta’ Erodi fil-pjazza ewlenija tal-Mellieħa. Il-vjaġġ jitkompla lejn iċ-Ċirkewwa fejn jaqbdu l-vapur u wara jsir il-gran final fejn il-maġi jidħlu fil-grotta ta’ Betlem f’Għajnsielem bir-rigali tagħhom.

L-organizzazzjoni ta’ Betlem f’Għajnsielem kienet f’idejn il-kumitat organizzattiv magħmul mill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem u rappreżentanza mill-Ministeru għal Għawdex, il-parroċċa Madonna ta’ Loreto u l-għaqdiet volontarji ta’ Għajnsielem. Ikkollaboraw ukoll il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u l-Comune Revine Lago.

Betlem f’Għajnsielem ikun animat f’dawn il-jiem: 1 ta’ Jannar mit-3:30 sat-8pm, 2 ta’ Jannar mill-4:30 sat-8pm u 3 ta’ Jannar mis-2 sat-8pm.