Mal-mitejn ruħ bħalissa jinsabu fl-uffiċini tal-ID cards fil-Blata l-Bajda biex jibdlu l-I.D Cards.
Il-kju hu tant twil li saħanistra jibqa’ ħiereġ barra sal-pompa tal-petrol li hemm fil-viċinanzi.
Uħud ilhom hemmek aktar minn siegħa jistennew, bil-biża’ li jekk ma jibdlux l-I.D card sal-aħħar tas-sena, jeħlu xi multa.
Iżda f’kuntatt li Netnews.com.mt għamel mal-uffiċju tal-I.D cards, intqal li m’hu se jkun hemm l-ebda multi għal min ma jilħaqx ibiddel l-I.D card tiegħu sal-aħħar tas-sena. Sempliċiment li l-I.D card ma tibqax valida.
Dan wara li mijiet, jekk mhux eluf, ħallew għall-aħħar u ma marrux jibdlu l-I.D card meta l-uffiċjali kienu qed iduru fil-lokalitajiet.
Mill-1 ta’ Jannar ma tkunx tista’, pereżempju, tmur issarraf ċekk il-bank bl-I.D card l-antika.
Madanakollu, jekk ma tixtieqx tqatta’ l-aħħar sigħat tas-sena tistenna fil-kju, tinkwetax, għax jekk tbiddel l-I.D card wara l-1 ta’ Jannar, m’initiex se teħel multa, għalkemm ikollok tħallas ħlas amministrattiv.
//= $special ?>

