Internazzjonali

Splużjoni f’belt tal-Pakistan toqtol talanqas 26

Splużjoni ta’ bomba – suspettata bħala attakk suwiċida – fil-belt Pakistana ta’ Mardan, ħalliet almenu 26 maqtula u għexieren ta’ midruba, b’fergħa tal-moviment tat-Taliban fil-Pakistan jassumi responsabbiltà għall-istraġi.

Il-bomba ħadet barra l-Uffiċċju għad-Database Nazzjonali li jservi wkoll bħala Awtorità għar-Reġistrazzjoni. Il-belt ta’ Mardan tinsab fil-Majjistral tal-Pakistan u l-attakk qed jitqies bħala l-agħar wieħed (fil-pajjiż) mill-massakru ta’ Diċembru li għadda f’Peshawar meta militanti tat-Taliban kienu daħlu fi skola u qatlu madwar 150 student u għalliema.

Rapporti mill-inħawi ta’ Mardan qalu li raġel, suspettat bħala l-aggressur, kien wasal f’din il-belt b’mutur u tajjar l-isplussivi li kellu fuqu wara li waqqfu gwardjan tas-sigurtà quddiem l-Uffiċċju għad-Database. Il-bini partikolari , is-soltu, ikun mimli bin-nies li jridu jiġbru dokumenti tal-identità u materjal ieħor.

Aktar tard kien ikkonfermat li l-parti kbira tal-vittmi fl-isplużjoni kienu ċivili, bil-pulizija ssostni li l-istraġi f’Mardan kien ikun bil-wisq akbar li kieku l-gwardjan ma rnexxilux iwaqqaf lill-allegat aggressur fid-daħla tal-Uffiċċju.