Fi spazju ta’ tliet xhur biss fiċ-ċelel li hemm fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana seħħew żewġ suwiċidji… proprju taħt għajnejn il-kustodja diretta tal-Pulizija. Dan ifisser li wara l-ewwel każ ta’ suwiċidju fil-bidu ta’ Ottubru li għadda, il-Gvern ma ħa l-ebda miżura biex inċidenti serji bħal dawn ma jerġgħux iseħħu bir-riżultat li f’dawn il-jiem seħħ it-tieni każ ta’ suwiċidju.
Dan ifisser ukoll li wara l-ewwel każ ta’ suwiċidju l-Gvern ma tgħallem xejn u l-prattiċi li kienu jkunu segwiti qabel ma seħħ is-suwiċidju ta’ Ottubru li għadda, baqgħu jseħħu fix-xhur ta’ wara wkoll.
Sal-lum għadu mhux magħruf jekk kinetx konkluża l-Inkjesta Maġisterjali dwar l-ewwel suwiċidju. Mhux biss, iżda anki għadhom mhumiex magħrufa xi konklużjonijiet li setgħu kienu misluta minn dik il-mewta.
Mhuwiex magħruf lanqas jekk il-konklużjonijiet ta’ dik l-Inkjesta Maġiterjali humiex se jkunu pubblikati jew le. Fl-isfond ta’ kollox għandna lil Carmelo Abela, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, li jiftaħar li fil-Korp tal-Pulizija kollox miexi fuq ir-rubini.
Il-każ tas-suwiċidju ta’ Ottubru li għadda kien jirrigwarda raġel li kien arrestat b’rabta ma’ qabda kbira ta’ droga u li miet ftit tas-sigħat wara, fiċ-ċella, matul dak il-lejl. Il-Pulizija kienu qalu li dan ir-raġel miet fl-Isptar Mater Dei wara li aktar kmieni kien ipprova jneħħi ruħu b’idejh fil-lock-up tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana.
Dakinhar, f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar kien spjega kif għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu kien hemm Pulizija li kien qed jiċċekkja ċ-ċelel tal-lock-up, u kien f’dan il-ħin li nnota raġel b’liżar imdawwar m’għonqu.
Mill-ewwel sejjaħ għall-għajnuna, bir-raġel jingħata s-CPR u jittieħed l-Isptar b’ambulanza. Hu miet l-Isptar stess siegħa wara. Dakinhar il-Kummissarju tal-Pulizija kien spjega li fil-kurituri tal-lock-up hemm cameras tas-sigurtà li jistgħu jiġu analizzati, iżda fiċ-ċelel m’hemmx minħabba privatezza.
Il-Kummissarju tal-Pulizija kien ikkonferma li dwar din il-mewta se ssir Inkjesta Maġisterjali, iżda mhux se ssir inkjesta interna. Il-vittma ta’ dak is-suwiċidju kien raġel ta’ 39 sena miż-Żejtun li kien mistenni jitressaq il-Qorti akkużat bis-sejba ta’ ħdax-il kilogramma droga.
Sadattant f’dawn il-jiem seħħet it-tieni mewta kaġun ta’ suwiċidju fiċ-ċelel tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Din il-mewta tirrigwarda Ġermaniż li kien bla saqaf fuq rasu u kellu problema tad-droga u li kien se jitressaq il-Qorti f’dawn il-jiem.
Hu kien arrestat nhar is-Sibt li għadda fl-Imsida u kien qed jgħin lill-Pulizija dwar droga u attentat ta’ serq. Ftit sigħat wara, nhar is-Sibt li għadda stess tard billejl, hu nstab mejjet fiċ-ċella fejn kien qed jinżamm. Jirriżulta li għamel suwiċidju.
F’konferenza tal-aħbarijiet nhr il-Ħadd, il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar qal li l-Ġermaniż, li kellu 36 sena, kellu jitressaq il-Qorti nhar il-Ħadd stess b’akkużi dwar droga u serq.
Il-Ġermaniż kien arrestat mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Tas-Sliema nhar is-Sibt fis-6pm wara li ntlemaħ fuq xi bjut fil-lokalità tal-Imsida.
Hu ttieħed l-Għassa ta’ Tas-Sliema minn fejn aktar tard kien trasferit lejn iċ-ċella fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija tal-Furjana. Fuq talba tiegħu stess, qabel, ittieħed ukoll l-Isptar Mater Dei biex jingħata l-methadone.
Jirriżulta wkoll li sa għaxar minuti jew kwarta qabel ma l-Ġermaniż neħħa ħajtu b’idejh u nstab mejjet, il-membri tal-Korp li kienu għassa miegħu kienu għadhom kif spezzjonaw iċ-ċella fejn kien hemm il-Ġermaniż u kollox deher normali.
Meta fil-konferenza tal-aħbarijiet kien mistoqsi dwar miżuri li jistgħu jittieħdu biex jiġu evitati aktar każi bħal dawn, il-Kummissarju tal-Pulizija ddefenda l-proċeduri relatati mal-arresti fiċ-ċelel tal-Kwartieri Ġenerali imma ma eskludiex li jpoġġi kameras tas-sigurtà anki fiċ-ċelel infushom minħabba li dawn bħalissa qegħdin biss fil-kurituri.
“Għalkemm iċ-ċelel tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija mhumiex post fejn wieħed imur għall-gost, id-dinjità u l-privatezza tal-persuna xorta jridu jiġu rispettati. Imma jekk il-kameras fiċ-ċelel ikunu jfissru li nistgħu nsalvaw ħajja, nikkunsidrahom,” qal Michael Cassar.
Aktar fil-ġurnal In-Nazzjon
//= $special ?>
