Il-kantant veteran tal-grupp Motorhead, Lemmy, miet fl-età ta’ 70 sena, b’mewtu jkun ikkonfermat jumejn biss wara li hu sar jaf li kien marid bil-kanċer.
Lemmy hu wieħed mill-ikoni tal-mużika Rock u ilu s-snin fost l-aktar personalitajiet popolari u famużi ta’ dan il-ġeneru.
Hu kien ifforma Motorhead fl-1975 u rrekordja 22 album, fosthom Ace of Spades li hu wieħed mill-aktar Rock albums li qatt inbiegħu.
Tul is-snin, Lemmy sar aktar rikonoxxut għall-kant u l-istil li żviluppa maż-żmien, bil-grupp Motorhead jistabbilixxi ruħu fost il-ġganti tal-mużika heavy metal. Hu kien anki famuż talli daħħal elementi ta’ punk fil-melodiji tar-Rock stabbiliti u kien fl-aqwa tiegħu waqt id-diversi kunċerti u live shows tal-grupp.
Lemmy – ismu proprju Ian Fraser Kilmister – kien anki jdoqq il-kitarra bass mal-grupp, bil-membri ta’ Motorhead qegħdin iħeġġu lid-dilettanti tal-mużika tagħhom biex idoqqu s-siltiet favoriti ‘bil-volum għoli waqt li jiftakru f’leġġenda mitlufa’.
Lemmy, li twieled fl-1945 fi Stoke-on-Trent, fl-Ingilterra, qatta l-aħħar snin ta’ ħajtu residenti f’Los Angeles, fl-Istati Uniti, u meta miet fid-dar tiegħu kien imdawwar bil-membri tal-familja. Hu instab li kien marid bil-kanċer proprju nhar is-Sibt li għadda –jumejn biss wara li kien iċċelebra għeluq sninu.
L-aktar ismijiet magħrufa tar-Rock, fl-aħħar sigħat, bagħtu messaġġi ta’ niket u kondoljanzi lill-familja ta’ Lemmy, fosthom Brian May ( tal-grupp Queen); il-membri tal-grupp Metallica; Gene Simmons ( tal-grupp Kiss); Duff McKagan (tal-grupp Guns N’ Roses) u Tom Morello ( tal-grupp Rage Against the Machine).
Il-mewt ta’ Lemmy tħabbar ġimgħat biss wara li miet Phil Taylor, l-eksdrummer ta’ Motorhead, fl-età ta’ 61 sena.
//= $special ?>