Lokali

Ajruplan tal-Emirates jeħel Malta kważi 30 siegħa minħabba problemi tekniċi

Il-passiġġieri kellhom jingħataw fejn jorqdu; kien hemm min ma siefer xejn u ċċaħħad milli jqatta’ l-Milied mal-familja

Ajruplan tal-linja tal-ajru Emirates spiċċa mwaħħal Malta bil-passiġġieri b’kollox, minħabba problemi tekniċi li kellu.

L-ajruplan, b’madwar 300 passiġġier, kellu jitlaq minn pajjiżna fit-23 ta’ Diċembru lejn Larnaka f’Ċipru, biex minn hemm itir lejn Dubai.

Madankollu, l-ajruplan baqa’ Malta sal-25 ta’ Diċembru tard filgħaxija, jiġifieri aktar minn 24 siegħa wara t-tluq skedat. Netnews.com.mt jinsab infurmat li kienu problemi tekniċi f’waħda mill-magni tal-ajruplan li wasslu biex l-ajruplan kellhu jittardja t-tluq tiegħu.

Fit-23 ta’ Diċembru waranofsinhar, it-titjira EK-108 kienet lesta biex tħalli pajjiżna lejn Larnaka. Il-passiġġieri kienu abbord l-ajruplan iżda kellhom jinżlu lura wara xi ħin peress li l-ajruplan ma bediex jistartja. Mhux eskluż li kien hemm xi indikazzjoni ta’ xi nirien f’waħda mill-magni.

Dan wassal biex il-passiġġieri kellhom jitniżżlu lura għal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fejn aktar tard saru jafu li t-titjira kienet se ddum ferm aktar milli mistenni biex tħalli pajjiżna.

Minkejja li saret ħidma biex l-ajruplan jissewwa fl-iqsar żmien possibbli, wara rriżulta li kienet meħtieġa l-assistenza tat-tekniċi. Dan wara wkoll li ntalbet l-assistenza ta’ inġinieri stazzjonati Malta ta’ linji tal-ajru oħra. Dawn l-inġinieri waslu Malta l-għada, fuq titjira oħra tal-Emirates minn Larnaka u magħhom ġabu l-‘parts’ neċessarji għat-tiswijja tal-ajruplan.

Sadanittant, il-passiġġieri ttieħdu f’lukanda ta’ ħames stilel biex iqattgħu l-lejl hemm. Dan filwaqt li bdiet ħidma biex il-passiġġieri jkunu jistgħu jaqbdu r-rotta lejn Dubai abbord titjiriet ta’ linji tal-ajru oħra. Fil-fatt, Netnews hu infurmat li l-ajruplan tal-Emirates telaq lura vojt wara li ssewwa mill-inġinieri u t-tekniċi.

L-ewwel passiġġieri bdew iħallu Malta l-għada tat-tluq oriġinali, għall-ħabta tas-7am. Oħrajn kellhom jibqgħu jistennew sas-2 ta’ waranofsinhar ta’ lejlet il-Milied biex ħallew pajjiżna. Dan ifisser li kien hemm passiġġieri li damu kważi 24 siegħa biex telqu minn pajjiżna lejn Dubai.

Minkejja l-isforz biex il-passiġġieri jiġu ‘routed’ fuq titjiriet ta’ linji tal-ajru oħra mill-aktar fis, xorta kien hemm passiġġieri li ddeċidew li ma jsiefru xejn. Mistoqsijiet ta’ Netnews lill-kelliema tal-Emirates jekk dawn il-passiġġieri hux se jingħataw kumpens baqgħu mhux imwieġba.

Fi stqarrija b’risposta għall-mistoqsijiet tagħna, il-kelliem għall-Emirates qal li l-kumpanija tiskuża ruħha mal-passiġġieri għal kull inkonvenjent li nħoloq. Il-kumpanija insistiet li s-sigurtà tal-passiġġieri u l-membri tal-ekwipaġġ hi ta’ importanza kbira.

Wara li ssewwa mill-ħsarat li kellu, l-ajruplan eventwalment telaq minn Malta f’lejlet il-Milied għall-ħabta tal-10 ta’ filgħaxija.