Lokali

Identifikat ir-raġel li nstab mejjet fil-lock-up tad-Depot

Ir-raġel li l-ġimgħa li għaddiet instab mejjet fil-lock-up tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija kien identifikat.

The Times qalet li l-Pulizija kkonfermaw li r-raġel mill-Ġermanja jismu Oto Kai Hanratty minn Stuttgart.

Il-ġisem mejjet ta’ Hanratty instab nhar is-Sibt li għadda f’waħda miċ-ċelel tad-Depot fil-Floriana. Hu neħħa ruħu b’idejh fil-lejl li kien imsakkar hemm.

Ir-raġel kien arrestat fl-Imsida wara li ntlemaħ fuq il-bjut ta’ xi djar. Minn hemm ittieħed l-għassa ta’ Tas-Sliema u aktar tard għall-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

Meta kien arrestat, il-Ġermaniż kellu jittieħed ukoll l-isptar Mater Dei għal doża Methadone, fuq talba tiegħu stess.

Dan hu t-tieni każ ta’ persuna li neħħiet ruħha b’idejha meta kienet fil-kustodja diretta tal-Pulizija, bil-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar jagħmel diskorsi indentiċi fil-konferenzi tal-aħbarijiet li segwew iż-żewġt imwiet.