Futbol Sport

It-trasferiment ta’ Rowen Muscat ma’ Ascoli kważi finaliżżat

Il-paġna ta’ Replay fuq Facebook ilejla qed tiżvela li fl-aħħar ħinijiet kien konkluż il-ftehim biex l-internazzjonali Malti Rowen Muscat isir plejer tal-klabb tas-Serie B Ascoli, b’self sa tmiem l-istaġun.

Muscat, li għandu 24 sena, mistenni jħalli pajjiżna lejn Ruma nhar it-Tnejn li ġej biex jagħmel l-eżamijiet mediċi imbagħad jibda l-avventura tiegħu mal-klabb Taljan jekk kollox imur kif ippjanat.

Hemm il-possibilta’ li l-klabb Taljan jakkwista għal kollox lil Muscat jekk jintlaħqu numru ta’ kriterji, fost l-oħrajn li l-klabb isalva u l-ammont ta’ logħob fost l-oħrajn.

Il-plejer innifsu kkonferma d-dettalji ta’ din l-istorja li kienet żvelata minn Replay stess ilbieraħ.

Intant matul il-ġurnata tal-lum, kienet żvelata ukoll l-aħbar li l-winger difensiv ta’ Mosta, Mano Micallef ffirma kuntratt ta’ tliet snin ma’ Pembroke Athleta. Micallef għandu 32 sena u Pembroke se jkun ir-raba’ klabb ta’ dan il-plejer wara li fil-passat diġa’ lagħab ma’ Floriana u Ħamrun Spartans, apparti Mosta.

Fi stejjer oħra li dehru llum fuq il-paġna ta’ Replay fuq Facebook, Balzan ħabbru l-akkwist tal-attakkant ta’ 29 sena Pedro Calcado mingħand Sliema Wanderers. Dan it-trasferiment ifisser li l-plejer Brażiljan se jkun qed jirritorna ma’ Balzan wara li kien magħhom l-aħħar fl-2013.

Matul il-ġurnata tat-Tlieta, B’Kara ppreżentaw lill-kowċ il-ġdid tagħhom Drazen Besek hekk kif dan iffirma l-kuntratt mal-klabb Karkariż.

Intant il-kowċ Albaniż Edmond Lufi temm l-esperjenza tiegħu ma’ San Ġwann wara żewġ staġuni. L-eks kowċ ta’ Naxxar Lions, Stefano Grima hu l-akbar favorit biex jieħu post Lufi bħala kowċ suċċessur.