Il-GWU titlob laqgħa mal-PM dwar il-kumpens lis-suldati

Il-General Workers Union esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha dwar il-kwistjoni tal-kumpens lis-suldati li kienu xogħol waqt is-summit tal-migrazzjoni u ċ-CHOGM f’Novembru li għadda.

F’ittra lill-Prim Ministru Joseph Muscat iffirmata mid-Deputat Segretarju Generali Kevin Camilleri, il-GWU qalet li l-kumpens li ngħata lis-suldati hu ekwivalenti għal dak li ngħata fiċ-CHOGM 10 snin ilu mill-amministrazzjoni preċedenti meta kien hemm avveniment wieħed u ċ-ċirkostanzi kienu iktar trankwilli minn dawk li d-dinja għaddejja minnhom b’atti u theddid ta’ atti terroristiċi.

Għaldaqstant, il-GWU qed titlob laqgħa mal-Prim Ministru sabiex tinstab soluzzjoni adekwata għaż-żewġ partijiet.

Jumejn ilu, il-ġurnal in-Nazzjon żvela li l-Membri tal-Forzi Armati ta’ Malta kienu diżappuntati għall-fatt li s-sagrifiċċji kbar li għamlu waqt il-laqgħa f’Malta tal-Valletta Summit u l-laqgħa tac-CHOGM issarrfet biss f’allowance ta’ €100 li huma rċevew f’dawn il-jiem.

Barraminhekk, l-allowance ta’ €100 ingħatat lil kulħadd, kemm is-suldati li ħadmu extra b’rabta mas-summit tal-migrazzjoni u ċ-CHOGM, kif ukoll lil min kien inqas involut.