Lokali

Il-mewta traġika ta’ Jessica Tabone tħalli l-marka tagħha

It-twaqqif ta’ J.E.S.S favur is-sigurtà fit-toroq hu riżultat tal-mewta traġika ta’ Jessica Tabone

Il-mewt ta’ Jessica Tabone f’inċident tat-traffiku lura f’April li għadda, ħalliet il-marka tagħha. Dan hekk kif tħabbar li twaqqfet għaqda non-governattiva biex tqajjem aktar għarfien dwar is-sigurtà fit-toroq.

Jessica Tabone kienet tilfet ħajjitha fit-Triq tax-Xlendi f’Għawdex lura fid-19 t’April. Hi kien għad kellha biss 22 sena.
Wara dak l-episodju ikraħ, Toni Ann Muscat, ħabiba ta’ Jessica, waqqfet l-NGO ‛J.E.S.S’, li tfisser ‛Justice to Ensure Safer Streets’.

L-għan ta’ din l-NGO hi li teduka lill-pubbliku u tqajjem aktar kuxjenza dwar l-importanza tas-sigurtà fit-toroq Maltin. Din il-ħidma se ssir partikolarment fost iż-żgħażagħ.

“Jessica kienet qisha t-tifla tiegħi,” tgħid Toni Ann, li tappella lill-pubbliku biex jikkontribwixxi għal din l-NGO b’fondi li se jintużaw fil-ħidma ta’ din l-għaqda ġdida.

Fost l-impenn tal-għaqda J.E.S.S hemm li ssir ħidma aktar biex tkun infurzata l-liġi f’dak li għandu x’jaqsam is-sigurtà fit-toroq.

Dan se jsir b’kampanji kontra s-sewqan wara x-xorb, kontra l-użu tal-mobiles waqt is-sewqan u favur aktar ‛road-checks’ u kameras kontra l-veloċità.

Il-fundatriċi tal-għaqda ttemm b’appell, partikolarment f’dan iż-żmien tas-sena, biex il-pubbliku jħares ir-regoli tat-triq u jgħin biex tkompli titqajjem kuxjenza dwar l-importanza li wieħed isuq bl-aktar mod sigur.