Internazzjonali

Jitħassru l-attivitajiet ta’ lejliet l-ewwel tas-sena fi Brussell

Fil-Belt Kapitali Belġjana, l-preparamenti għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-ewwel tas-sena kollha sfaw fix-xejn, hekk kif din is-sena mhux ser isiru. Wara d-diversi rapporti ta’ attentati terroristiċi, is-Sindku ta’ Brussell, Yvan Mayeur, ħabbar li minħabba sigurta’ nazzjonali, dawn il-festi tħassru.

Filfatt, jumejn ilu, l-awtoritajiet Belġjani arrestaw żewġ persuni minħabba suspetti ta’ attakki terroristiċi, f’waħda mill-pjazzez ewlenin ta’ Brussell. Uffiċjal stqarr, li l-attentati li kienu pjanati ma kienux ġejjin direttament mill-ISIS, iżda kienu influwenzati minnhom.

Safrattant fit-Turkija, żewġ persuni, suspettati li huma membri tal-ISIS u li kienu qed jippreparaw biex iwettqu attakk terroristiku, ġew arrestati fil-kapitali Ankara. Fil-pusses tagħhom il-Pulizija sabu ċinturini mimlija splussiv lesti beix jintużaw.