Ilaqqat transfer f’lejliet l-ewwel tas-sena wara 40 sena mal-Enemalta; ħaddiema jistaqsu: “min imissu?”
Is-sena spiċċat ħażin għal Alfred Debono, li jaħdem mal-Enemalta, u li f’lejliet l-ewwel tas-sena ingħata l-aħbar li wara 40 sena ħidma mal-Enemalta, laqqat transfer.
Għal 12-il sena sħaħ, Alfred Debono kien Direttur Ħaddiem. Qabel ingħata t-transfer Hu kien Operations Manager fid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani, involut fl-operat li jmexxu lill-ħaddiema mill-Enemalta għal mal-ażjendi tal-Gvern meta dawn jiġu ‛released’, jew inkella, meta dawn jingħataw transfer.
Ritratt: Alfred Debono, Facebook
Impjegati tal-Enemalta li tkellmu ma’ Netnews espriemw diżappunt u rabja għall-fatt li s-sena kellha tispiċċa b’dan il-mod għal Alfred Debono, li ġie deskritt mill-kollegi tiegħu bħala impjegat bieżel u ta’ esperjenza.
Ħaddiema li tkellmu ma’ Netnews spjegaw li Alfred Debono kien punt ta’ referenza għal ħafna ħaddiema li matul l-aħħar xhur laqqtu transfer u kien anke punt ta’ referenza għaż-żewġ Unions ewlenin li jirrappreżentaw lill-ħaddiema.
In-Nazzjon prova jagħmel kuntatt ma’ Alfred Debono nnifsu iżda ma ngħatajna l-ebda risposta.
Il-ħaddiema tal-Enemalta qrib Alfred Debono li tkellmu ma’ dan Netnews fissru li din l-aħbar laqtithom bħal sajjetta fil-bnazzi f’lejliet is-sena l-ġdida u minflok jiċċelebraw, il-ħaddiema se jispiċċaw is-sena b’ħafna domandi u tħassib dwar min imissu jlaqqat transfer fl-Enemalta.
Fl-aħħar xhur, mijiet ta’ ħaddiema fl-Enemalta laqqtu transfer għal xi ażjenda oħra tal-Gvern, b’Membri Parlamentari Nazzjonalisti jagħmlu diversi mistoqsijiet Parlamentari dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li qed jingħataw dawn it-transfers.
Alfred Debono, deskritt minn persuni li tkellmu magħna bħala ħaddiem bieżel, għaxart ijiem ilu spiċċa finalist għall-premju Ħaddiem tas-Sena. Iżda dan kollu għalxejn, għax wara 12-il sena fl-Enemalta, dan id-Direttur Ħaddiem se jkollu jippakkja u jirrispetta t-transfer li ngħata ħabta u sabta.
//= $special ?>

