Uffiċjali Żvizzeri ħabbru li mal-1 ta’ Jannar ta’ 2016 mhux se jkomplu jinħarġu visas lill-barranin biex imorru jaħdmu ta’ strippers fil-pajjiż.
Fl-1995, il-Gvern Żvizzeru kien beda joħroġ visa għal nisa mhux ċittadini tal-Unjoni Ewropea, li kienu sejrin fil-pajjiż jaħdmu ta’ strippers jew żeffina fi klabbs.
Tul din is-sena, mal-700 persuna nħarġitilhom visa simili.
Il-pass kien sar biex tingħata forma ta’ protezzjoni lil dawn il-persuni għaliex kienu qed jispiċċaw spiss vittmi ta’ kull xorta ta’ abbuż. Il-visa kienet tinħareġ għal perjodu ta’ tmien xhur.
Imma wara investigazzjoni twila mill-awtoritajiet Żvizzeri, fl-2014 tħabbar li din l-inizjattiva ma kenitx qed isservi l-iskop oriġinali u ħafna minn dawk li kienu qed jingħataw din il-visa kienu qed jispiċċaw jaħdmu ta’ prostituti.
Uffiċjali Żvizzeri qalu li fl-2014 kien hemm 751 persuna li kienet inħarġitilhom visa simili u 712 din is-sena. Sal-2005, kienu nħarġu aktar minn 10,700 visa biex nisa jaħdmu ta’ strippers fl-Iżvizzera.
Minn għada fl-Iżvizzera…ebda aktar visas għal strippers
