“Se nibqa’ naghmilha sakemm ittini saħħti” qal Manuel Zerafa, li għas-sitt sena konsekuttiva qed jagħmel il-parti ta’ Baltażar fl-attivitá ‛Betlem f’Għajnsielem’.
Netnews kien qed jitkellem ma’ Manuel barra l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hekk kif dalghodu wasal Malta flimkien ma’ Melkjor u Kaspar.
It-tlett Slaten Maġi waslu Malta b’titjira minn Treviso fi vjaġġ li qed jagħmlu bil-mod il-mod lejn Betlem f’Għajnsielem, meta sa’ fl-aħħar jaslu fil-grotta ta’ Ġesù Bambin.
Il-ħars kurjuż ta’ dawk li kienu l-ajruport ma naqasx, hekk kif it-tlett Slaten Maġi tfaċċaw fil-bieb tal-wasliet, imblibbsa bil-kostumi sinonimi mat-tlett Slaten Maġi li dwarhom min jaf kemm qrajna fil-kotba jew rajna films.
“Din hija s-sitt darba li qed nagħmilha ta’ Baltażar, u beħsibni nibqa’ nagħmilha sakemm ittini l-ħajja” fissrilna Manuel, li joqgħod Għajnsielem.
Qabilhom, wasal il-kontinġent sħiħ Għajnselmiż immexxi mis-Sindku ta’ Għajnsielem Franco Ciangura, li fl-ajruport rajnieh jagħmel sinjali lit-tlett Slaten Maġi biex jimxu bil-mod, sabiex joffru opportunità ta’ ritratti u filmati għall-membri tal-media u l-pubbliku kurjuż.
Malli ħarġu mit-terminal tal-ajruport, it-tlett Slaten Maġi sabu jistennewhom iż-żwiemel.
“Dan Pintu”, qalilna Manuel hu u jitla’ fuq iż-żiemel li bih kompla l-vjaġġ maż-żewġ Slaten Maġi l-oħra. Pintu wkoll ilu jipparteċipa f’din l-attività għal sitt snin sħaħ.
Mill-ajruport, il-vjaġġ tat-tlett Slaten Maġi kompla lejn l-ajruport l-antik. Minn hemm, reħewlha lejn l-isptar Mater Dejn fejn fil-preżenza tagħhom ferrħu lil ħafna pazjenti tfal u adulti.
Mill-isptar, it-tlett Slaten Maġi ma telqux b’idhom f’idhom, għax magħhom ħadu sensiela ta’ ittri li ħejjew it-tfal għal Ġesù Bambin.
L-aħħar parti tal-vjaġġ tat-tlett Slaten Maġi jibda l-Ħadd meta fit-8 ta’ filgħodu jitilqu mill-Manikata lejn iċ-Ċirkewwa, fejn hemmek jaqbdu l-vapur t’Għawdex. Il-qofol jintlaħaq meta jaslu l-grotta f’Betlem f’Għajnsielem bir-rigali tagħhom; id-deheb, l-inċens u l-mirra.
//= $special ?>