Tewmin, tifla u tifel, li għadhom kemm twieldu f’San Diego, fl-Istati Uniti, bilfors li jridu jiċċelebraw għeluq sninhom fi ġranet differenti.
Dan għaliex waħda mit-tewmin twieldet fl-aħħar minuta tal-Ħamis, lejliet l-Ewwel tas-Sena, waqt li ħuha twieled fl-ewwel minuti tas-Sena l-Ġdida.
Skont il-membri tal-istaff fl-isptar ta’ San Diego fejn twieldu t-tewmin, il-mument tat-twelid għaċ-ċkejkna Jaelyn Valencia kien fil-11.59 pm tal-31 ta’ Diċembru, waqt li Luis Jr, ħuha, kellu jitwieled fit-12.02 am tal-Ewwel ta’ Jannar. Il-ġenituri tat-tewmin jisimhom Maribel u Luis u huma residenti f’San Diego.
Il-ħinijiet tat-twelid ifisser li għalkemm it-tewmin iridu jaqsmu ħafna affarijiet tul ħajjithom, ma jistgħux jgħidu li għeluq sninhom jaqa’ fl-istess ġurnata.
Hu fatt li Jaelyn kienet ‘l-aħħar tarbija li twieldet’ f’San Diego County, fl-2015, waqt li Luis, possibbilment, hu l-ewwel tarbija li twieldet fl-istess zona mill-bidu tas-sena ‘l hawn, fl-Istati Uniti.
Mill-aħħar rapporti mill-isptar ta’ San Diego qalu ċ-ċkejknin u ommhom jinsabu ‘tajbin u b’saħħithom’.
//= $special ?>