Id-delegat speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja kellu jitlaq mil-Libja wara li spiċċa ‘umiljat’ mill-awtoritajiet fi Tripli.
Mifhum li Martin Kobler kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fl-ajruport ta’ Mitiga, fil-kapitali Libjana, meta interrompih Jamal Zubia, li jmexxi d-Dipartiment għall-Istampa Barranija tal-Gvern ta’ Tripli.
Zubia, dak il-ħin, informa lil Kobler li kien jeħtieġ il-permess biex il-konferenza ssir fl-ajruport partikolari waqt li sostna li hu ‘kien fid-dmir li jħassar l-akkreditazzjoni tal-ġurnalisti preżenti skont il-liġi’. Kobler, imbagħad, talab skuża u qal lil Zubia biex ma jieħux dan il-pass fil-konfront tal-membri tal-istampa.
Id-delegat tan-NU ma tilifx ħin biex iħassar il-konferenza tal-aħbarijiet u jitlaq mis-sala partikolari, fl-ajruport ta’ Mitiga. Hu, ftit wara, qabad l-ajruplan li kien qed jistennih u telaq mill-pajjiż, skont ma rrapporta l-websajt tal-aħbarijiet tal-Libya Herald.
Filwaqt li mhux ċar għalfejn Zubia ħa l-azzjoni speċifika fil-konfront ta’ Kobler, l-analisti jemmnu li din, probabbilment, kienet reazzjoni ta’ frustrazzjoni talli Kobler kien iddeċieda biex ma jorganizzax konferenza tal-istampa konġunta, flimkien mal-Kungress Ġenerali Nazzjonali, li hu l-awtorità politika fi Tripli.
Sadanittant, Martin Kobler ma riedx iċedi lill-Kungress fuq il-punt ta’ ‘negozjati ġodda’ dwar il-Ftehim Politiku għal-Libja u l-Gvern Libjan li jibbaża fuq Qbil Nazzjonali. Dan il-Gvern hu indikat bħala l-amministrazzjoni ġdida u rikonoxxuta tal-Libja li qed tkun sponsorjata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.
Intant, Kobler telaq mil-Libja wara li l-Kungress irrifjuta li jaċċetta l-ftehim tas-17 ta’ Diċembru dwar dan il-Gvern Libjan għall-Għaqda li kien intlaħaq fi Skhirat, fil-Marokk, taħt il-gwida tan-Nazzjonijiet Uniti. Dakinar, id-delegati tal-gruppi ġellieda fil-Libja kienu ffirmaw il-ftehim partikolari fost tamiet, fil-Punent, li l-pass għandu jwassal għal Libja aktar stabbli u impenn aktar effettiv kontra l-preżenza tal-ISIS f’dak il-pajjiż.
//= $special ?>