L-Iżolament hu faqar ġdid u l-Kunsill Lokali tal-Mosta hu mpenjat biex inissel u jindokra sens ta’ komunita’ fil-lokalita’.
Is-Sindku tal-Mosta Edwin Vassallo sostna dan waqt it-tnedija ta’ Mosta Solidali, sensiela ta’ attivitajiet fis-sitt ġimgħat li ġejjin fuq tema soċjali.
Edwin Vassallo qal li sa mill-bidu tiegħu, il-ħidma ta’ dan il-Kunsill Lokali għandha żewġ valuri ewlenin li dwarhom hemm qbil unanimu; is-solidarjeta’ u l-inklużjoni soċjali.
Is-Sindku sostna li x-xogħol tal-Kunsill Lokali fl-infrastruttura, fl-indafa u fis-sigurta’ hu importanti, iżda wieħed m’għandux jinsa lill-persuna li qed tgħix fil-komunita’ għaliex fl-aħħar mill-aħħar, il-proġetti li jsiru, huma għall-ġid tal-bniedem.
Il-Ko-ordinatur tal-attivitajiet Mosta Solidali, il-Viċi Sindku Ivan Bartolo, spjega li l-attivitajiet ikopru għaxar oqsma differenti bħall-anzjani, il-persuni b’diżabilita’, persuni li qed jiskontaw piena ta’ ħabs, żagħżagħ, persuni li qed isofru mill-vizzju tad-droga, il-bullying, persuni emarġinati, familji fil-bżonn u min jixtieq jgħin fil-komunita’.
Ivan Bartolo spjega li permezz ta’ dawn l-attivitajiet, il-Kunsill Lokali mhux biss se joffri wens u servizz, iżda qed jistieden ukoll lil min jista’ jaqgħti daqqa t’id. Jassistu lill-kunsillieri f’dan il-programm hemm ukoll żewġ studenti li qed isegwi kors fis-social work fl-Universita’ ta’ Malta.
L-Attivitajiet qed isiru wkoll b’kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet fosthom il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’, l-Aġenzija Sedqa u ċ-Ċentru LEAP fil-Qawra.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali Michael Farrugia feraħ lill-Kunsill Lokali tal-Mosta għal din l-inizjattiva u żied li l-qasam soċjali hu ta’ kulħadd u l-għan hu wieħed: li tgħin lil għajrek.
Hu qabel mas-Sindku Edwin Vassallo li s-solitudni hu tip ġdid ta’ faqar u mill-esperjenza tiegħu bħala tabib li jipprattika fil-Mosta, Michael Farrugia seta’ jara direttament id-diffikultajiet li jsibu ruħhom fihom il-familji u kif ħafna drabi, dawn id-diffikultajiet ikunu mistura.
Hu wiegħed l-appoġġ sħiħ tal-Ministeru għall-ħidma tal-Kunsill Lokali tal-Mosta f’dan il-qasam.
//= $special ?>

