Il-militanti Iżlamiċi tal-grupp Al-Shabab ħarġu filmat ta’ propaganda li jinkludi materjal dwar Donald Trump, is-sinjurun Amerikan li qed jittama li jikkuntesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti f’isem il-Partit Repubblikan.
Il-filmat jikkonċentra fuq l-aħħar sejħa ta’ Trump biex il-Musulmani ma jitħallewx jidħlu l-Istati Uniti filwaqt li juri elementi tal-Al-Shabaab ( sieħeb tal-moviment al-Qaeda) iħeġġu biex l-Amerikani ta’ nisel Afrikan jikkonvertu għall-Islam u jieħdu sehem fi gwerra qaddisa, jew jihad.
L-uffiċjali li qed imexxu l-kampanja politika ta’ Trump ma wieġbux għall-filmat, li, fost il-messaġġi tiegħu, qed jisħaq li ‘l-Istati Uniti hi ddominata mir-razziżmu, s-sentimenti anti-Musulmani u brutalità min-naħa tal-pulizija’.
Donald Trump, ix-xahar li għadda, sejjaħ biex l-Istati Uniti żżomm barra lill-Musulmani kollha wara l-isparatura qattiela tat-2 ta’ Diċembru f’San Bernardino (f’Kalifornja) minn mara u raġel li ssemmew bħala sostenituri tal-ISIS.
Trump kien sostna biex pajjiżu jwettaq shutdown totali għall-Musulmani sakemm l-awtoritajiet Amerikani jsiru jafu biċ-ċar l-attitudni tal-Musulmani fil-konfront tal-Istati Uniti. Il-kummenti tiegħu kienu qanqlu kundanna ġenerali fost il-poplu Amerikan.
//= $special ?>