Il-Ministeru tal-Intern fl-Arabja Sawdija kkonferma li kap reliġjuż prominenti tax-Xiti kien fost 47 persuna li ngħataw il-mewt mill-Istat wara li kienu kkundannati dwar reati konnessi mat-terroriżmu.
Ir-reliġjuż inkwistjoni, Sheik Nimr al-Nimr, kien tkellem favur il-protesti tal-massa li nqalgħu fl-2011 kontra l-Gvern Sawdi fil-Provinċja tal-Lvant, fejn il-maġġoranza tax-Xiti ilha tilmenta talli spiċċat emarġinata mit-Tmexxija Sawdi.
Sadanittant, l-Iran, li hu mmexxi mix-Xiti Musulmani, qal li l-Arabja Sawdija trid tħallas prezz qares għall-esekuzzjoni ta’ al-Nimr. Kelliema għall-Gvern Iranjan sostnew li ‘t-Tmexxija f’Riyadh tappoġġja lit-terroristi filwaqt li qed trażżan u toqtol il-kritiċi fl-artijiet tas-Sawdi’.
L-Iran hu r-rivali ewlieni tal-Arabja Sawdija f’dan ir-reġjun. Intant, ħarġu rapporti dwar protesti f’Qatif, fil-Provinċja tal-Lvant tal-Arabja Sawdija, fejn żdiedu l-miżuri tas-sigurtà.
L-esekuzzjonijiet twettqu fl-istess ħin fi 12 il-lokalità madwar l-Arabja Sawdija.
Inqatlu wkoll numru ta’ Sunni kkundannati dwar sehem f’attakki terroristiċi li jmorru lura għall-2003 u li kellhom konnessjoni mal-moviment al-Qaeda.
//= $special ?>