Il-Ħadd 3 ta’ Jannar jixxandar l-ewwel programm tas-sena 2015 mis-sensiela sportiva popolari Replay tal-Ħadd filgħaxija. Anke jekk fit-tmiem il-ġimgħa mhux se jkun hemm futbol mill-ebda diviżjoni tal-Kampjonati tal-MFA, it-tim tal-produzzjoni taħt it-tmexxija ta’ Christian Micallef ħaseb sabiex għal din il-ġimgħa jipproduċu programm ieħor interessanti li għandu jolqot l-attenzjoni ta’ kull dilettant tal-futbol lokali f’pajjiżna.
Il-mistiedna ta’ din il-ġimgħa, il-Ħadd fid-9:35pm fuq Net Television, se jkunu l-Viċi President tal-MFA, l-Avukat Chris Bonett u l-Viċi President ta’ B’Buġa u membru fl-eżekuttiv tal-MFA, l-Avukat Angelo Chetcuti. Flimkien mal-mistieden residenti ta’ Replay, Konrad Sultana l-presentaturi tal-programm, Christian Micallef u Sarah Agius se jkunu qed jitkelmu dwar l-aktar temi kurrenti u attwali fil-futbol Malti u dak internazzjonali.
Apparti dan ma tonqos ir-rokna ta’ kull ġimgħa ‘Rajna u Smajna’ li twassal l-aħħar aħbarijiet, li fil-maġġoranza tagħhom ikunu esklussivi mill-futbol lokali hekk kif issa dħalna fix-xahar tas-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar.
Il-programm Replay tal-Ħadd jibda fid-9:35pm u jitwassal bl-appoġġ ta’ Gillette. Għal aktar informazzjoni dwar il-programmi Replay wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Replay fuq Facebook li hi aġġornata kontinwament.
//= $special ?>

