Internazzjonali

Tfittxija għar-raġel li fl-ewwel jum tal-2016 spara fi stabbiliment f’Tel Aviv

Fl-Iżrael, baqgħet għaddejja t-tfittxija intensiva għal raġel li fl-ewwel jum tas-sena 2016 qatel żewġ persuni u ħalla numru ta’ feruti waqt sparatura fi stabbiliment tax-xorb f’Tel Aviv.

Il-qawwiet tas-sigurtà qattgħu l-lejl kollu jfittxu l-aggressur fl-inħawi ta’ Tel Aviv, fost rapporti li r-raġel inkwistjoni hu armat b’azzarin awtomatiku. L-isparatura seħħet f’ fost l-aktar zoni attivi ta’ Tel Aviv fejn jispikkaw numru ta’ bars u kafeteriji.

Kelliema għall-pulizija qalu li mill-informazzjoni li ġabru s’issa hemm possibbiltà kbira li l-isparatura kellha warajha skop terroristiku.

Is-suspettat hu identifikat bħala Iżraeljan Għarbi ta’ 29 sena min-naħa ta’ fuq ta’ Iżrael. Ingħad ukoll li hu kien seraq l-azzarin mingħand missieru li hu involut f’xogħol ta’ sigurtà.

L-isparatura tal-ewwel tas-sena f’Tel Aviv segwiet mewġa ta’ attakki minn Palestinjani armati fuq Iżraeljani f’dawn l-aħħar xhur. Dan filwaqt li xi sorsi qed jgħidu li l-attakk inkwistjoni seta’ kien instigat mill-ISIS bħala l-ewwel aggressjoni diretta fuq Iżrael.

Qraba tal-aggressur qed ifissruh bħala bniedem emozzjonalment instabbli li mhuwiex terrorista. L-isem tas-suspettat għalissa mhux qed ikun żvelat taħt direttiva tal-qorti.