Lokali

Tnaqqis drastiku fil-prezz taż-żejt, ċejċa għal konsumaturi Maltin

Tul l-aħħar ġimgħat, il-prezz taż-żejt kompla nieżel drastikament, anke sa 35 dollaru l-barmil, l-aktar livell baxx għal aktar minn 7 snin. Dan huwa riżultat ta’ diversi fatturi ġeo-politiċi, fosthom it-tneħħija tal-limitazzjonijiet fuq il-produzzjoni mill-OPEC, it-tneħħija ta’ sanzjonijiet fuq l-Iran kif ukoll kundizzjonijiet klimatiċi tajbin li naqsu d-domanda għall-enerġija.

Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament u s-Shadow Minister tal-Finanzi Mario De Marco flimkien mas-Shodow Minister tal-Ambjent u l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli fi starrija f’isem il-Partit Nazzjonalista saħqu li dan ifisser li l-prezz waqa b’75% mal-ogħla livelli – ta’ aktar minn 140 dollaru l-barmil – li kienu reġistrati matul il-leġislatura li għaddiet.

Dan qed iwassal biex konsumaturi u sidien ta’ negozju madwar l-Ewropa jgawdu minn roħs sostanzjali fuq il-prezz tal-petrol u d-diesel. Konsumaturi f’pajjiżi bħal Ċipru, l-Ungerija, Franza raw roħs ta’ kważi 30 ċenteżmu fl-aħħar 12-il xahar.

Mhux l-istess jgħodd għall-konsumaturi u sidien ta’ negozji Maltin u Għawdxin. Wara xhur sħaħ fejn il-Gvern żamm għalih il-benefiċċji ta’ dan ir-roħs internazzjonali, f’Jannar, waqt li l-prezz taż-żejt qed ikompli nieżel, se jagħti roħs miżeru ta’ 3 ċenteżmi fuq il-petrol u 4 ċenteżmi fuq id-diesel.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li barra li jaffettwa l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin, u jnaqqsilhom l-ispending power, id-deċiżjoni ta’ Joseph Muscat li jżomm il-prezz tal-fuel fost l-ogħla fl-Ewropa timmina l-kompetittività tan-negozji ta’ pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex ma jkomplix għaddej b’din id-daylight robbery u jagħti dak li hu mistħoqq lil familji u negozji Maltin.