Il-prezz tal-petrol u d-diesel f’Malta se jibqa’ ogħla min-nofs il-pajjiżi l-oħra Ewropej.
F’analiżi fil-gurnal il-Mument intqal li fi 33 ġimgħa tas-sena l-oħra, tal-2015, il-prezz tal-petrol u d-diesel f’Malta kien ogħla aktar minn ta’ nofs il-pajjiżi l-oħra tal-UE u aktarx aktar ogħla mill-medja Ewropea.
L-analiżi saret minn Alfred Farrugia, il-President tal-Klabb Awtomobilistiku ta’ Malta fejn qal li l-Gvern permezz tal-kumpanija statali Enemad irnexxielu jisloħ il-konsumatur Malti waħda sewwa fejn jidħlu il-petrol u d-diesel.
Fl-analizi tieghu, Farrugia qal li l-poplu Malti mhux igawdi minn roħs fil-prezz internazzjonali taż-żejt minkejja li dan niżel b’75 fil-mija mill-ogħla livelli t’aktar minn 140 dollaru kull barmil reġistrati qabel l-2013.
Din l-analiżi ta’ Farrugia tikkonferma dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jgħid għal dawn l-aħħar ġimgħat, jigifieri li l-prezz taż-żejt internazzjonali kompla nieżel drastikament fl-istess waqt li l-konsumatur Malti ghadu qed iħallas bl-għoli.
Fl-analizi tieghu, il-President tal-Klabb Awtomobilistiku ta’ Malta qal li m’hemm l-ebda raġuni għaliex il-konsumatur Malti m’għandux igawdi minn dan ir-roħs u jistaqsi il-għalhiex il-poplu Malti qed ikun trattat bħala ċittadin Ewropew tat-tieni klassi.
Farrugia spjega kif fil-bidu tas-sena 2016 il-prezz tal-petrol mingħajr taxxi u dazji kien ta’ 69 ċenteżmu l-litru filwaqt li fil-medja Ewropea dan kien 47ċ. Differenza ta’ 22ċ. Il-prezz tad-diesel fil-bidu tas-sena kien f’Malta kien ta’ 72ċ filwaqt li l-medja Ewropea kien ta’ 52ċ, differenza ta’ 20ċ.
Huwa qal li dan kollu juri li hemm xi ħaġa ħażina fl-Enemad, fl-importazzjoni, il-ħażna u l-bejgħ tal-petrol u d-diesel.
//= $special ?>