Lokali

Jiskadi t-terminu tal-Awtorità tax-Xandir iżda Muscat għadu ma ħatarx bord ġdid

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għażel li jħalli t-terminu tal-Awtorità tax-Xandir jiskadi mingħajr ma ħatar membri ġodda kif titlob il-liġi.

Il-Partit Nazzjonalista qal dan fi stqarrija permezz tal-Kelliem tad-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli, li fiha fakkar li t-terminu tal-Awtorità tax-Xandir skada fil-31 ta’ Diċembru.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-fatt li Muscat għadu ma ħatarx bord ġdid, juri kemm din l-Awtorità u l-ħarsien tal-imparzjalitá fix-Xandir mhumiex importanti għall-Prim Ministru.

Minħabba l-fatt li l-membri l-ġodda għadhom ma nħatrux, l-Awtorità tax-Xandir ma tkunx f’pożizzjoni leġittima li tieħu deċiżjonijiet importanti, b’mod speċjali fil-konfront tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS immexxija minn Reno Bugeja.

Dan kif ġara fl-aħħar xhur fejn kien ikkonfermat li x-xandir nazzjonali f’pajjiżna huwa żbilanċjat.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li qed jistenna li l-Prim Ministru jwettaq id-dmir kostituzzjonali tiegħu mingħajr aktar dewmien, u b’konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni, jaħtar bord ġdid – biex l-Awtorità tax-Xandir tkun f’pożizzjoni li tassew tissalvagwardja l-proċess demokratiku fl-aħjar interess tal-poplu.