L-Ark ta’ Wignacourt, magħruf ukoll bħala l-Ark ta’ Fleur-de-Lys għal naqra ma kienx se jkollu jgħaddi minn intervent ta’ restawr qabel biss tlesta.
Dan hekk kif fl-ewwel lejl tas-sena l-ġdida, għall-ħata tas-01:30, sewwieq ta’ vettura tat-tip Pajero baqa’ għaddej minn nofs ir-roundabout. Dan wara li tela’ fuq bankina li ddawwar dan il-monument li jinsab fiċ-ċentru ta’ proġett li x-xogħol fuqu għadu għaddej.
Is-sewwieq, li skont persuni li raw l-inċident kien akkumanjat minn żewġ tfajliet, kien ġej minn naħa tal-Imrieħel meta baqa’ sejjer dritt, għadda min taħt l-ark prinċipali, qaċċat sinjal tat-traffiku u ħalla dbabar taż-żejt warajh fil-ħamrija.
Skont l-istess persuni li raw l-inċident, il-karozza waqfet f’daħna tat-trab ħdejn il-Konservatorju Vincenzo Bugeja fi Triq il-Kbira San Ġużepp. Iż-żewg tfajliet dehru joħorġu mill-vettura fost għajjat u twerżiq.
Dan l-inċident wassal għal appelli biex fi Triq l-Imdina jitwaħħlu sinjali li javżaw lis-sewwieqa li ġejja roundabout. Fost l-oħrajn Antoine Attard, membru tal-Kunsill Amministrattiv ta’ Fleur-de-Lys u l-ewwel persuna li ta dettalji dwar dan l-inċident, fuq Facebook appella biex jitwaħħlu avviżi li jallertaw lis-sewwieqa.
Ir-ritratt li ħa l-istess Antoine Attard li fost l-oħrajn juri l-marki tat-tyres u trab mal-art fil-post minn fejn ħarġet il-vettura.
Ix-xogħol fuq dan l-Ark beda fl-2012 imma minħabba numru ta’ kontroversji baqa’ għaddej sa ftit ġimgħat ilu. Mistenni li x-xogħol fuq l-Ark jitkompla biex fost l-oħrajn jitlestew xi dettalji filwaqt li jsir tisbieħ tar-roundabout.
//= $special ?>

