Lokali

L-ex kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit u ħuh jixtru art bil-loqom

Policy tal-Gvern dwar il-bejgh ta’ artijiet pubblici wasslet biex l-eks Kummissarju Ray Zammit ibbenefika billi hu u ħuħ xtraw tlett propjetajiet bil-loqom. Dan hekk kif din il-policy tal-Gvern affettwat il-proċess tal-valutazzjoni tal-artijiet li Zammit u ħuh xtraw mingħand il-Gvern.

Ray Zammit u ħuh xtraw tlett artijiet fi Triq il-Fortizza fil-Mosta għal anqas minn 20,000 ewro. L-artijiet swew lill-eks Kummissarju u huh 8,200 ewro, 4,200 ewro u 6,200 ewro rispettivament.

Dan ġie żvelat mill-gazzetta The Sunday Times of Malta li qalet li t-tlett artijiet kienu reklamati mid-Dipartiment tal-Artijiet f’April li għadda – iżda fir-reklamar qatt ma kien issemma’ kemm kienu qed jintalbu flus għalihom.

Aktar tard irriżulta li l-eks Kummissarju Ray Zammit u ħuh kienu l-uniċi persuni li tefgħu l-offerti tagħhom għal dawn l-artijiet.

Huwa mifhum li għal din l-art ma kien hemm l-ebda stima minn perit li jiddeterminaw kemm l-artijiet kienu tassew jiswew, meta din suppost hija prattika normali meta l-gvern ibiegħ art pubblika.

The Sunday Times qalet li f’risposti li ingħatat, il-Gvern qal li l-valur tal-artijiet li nxtaw mill-eks-Kummissarju Zammit u ħuh inħadem skont policy tal-Gvern – li tgħid li l-valur tal-art għandu jkun ibbażat fuq il-valur tal-art meta din tkun ġiet akkwistata mill-okkuppant attwali, aġġustat skont l-indiċi tal-inflazzjoni u b’żieda ta’ 5% sakemm tinbiegħ l-art.

Iżda jirriżulta, aktar minn hekk, li din il-formula matematika, is-soltu tintuża meta l-Gvern ikun se jixtri hu l-art għall-benefiċċju tal-pubbliku, u mhux bil-kontra.

Ray Zammit kien inhatar Kummissarju tal-Pulizija. Wara li tneħħa, inħatar Kap tal-Aġenzija tal-Infurzar Lokali li waqqaf il-Gvern.

Intant b’reazzjoni dwar dan Simon Busuttil fi tweet fuq Twitter, wera d-diżappunt tiegħu b’dak li ġara. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dawn l-affarijiet tal-mistħija jiġru biss taħt Gvern Laburista.

Reazzjoni SB Ray Zammit