Lokali

Niżvelaw ftehim bejn il-Gvern u l-GWU li bih il-Unions se tagħmel qligħ globali ta’ miljuni ta’ ewro

Il-mument illum qed tiżvela ftehim bejn il-Gvern Laburista tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-General Workers’ Union (GWU) biex ħaddiema li sa llum jirreġistraw għax-xogħol, ikunu ‘impjegati’ ma’ kumpanija sussidjarja tal-GWU.

Permezz ta’ dan il-ftehim diġà inizjalat, il-kumpanija sussidjarja tal-General Workers’ Union fuq numru ta’ snin se tkun qed tagħmel profitti ta’ miljuni ta’ ewro.

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li permezz ta’ dan il-ftehim – li l-Gvern għandu programmat li jħabbar fi ftit tal-jiem oħra – se jkun qed jolqot diversi għasafar permezz ta’ ġebla waħda.

Grazzi għal dan il-ftehim mal-kumpanija sussidjarja tal-General Workers’ Union, iċ-ċifra tal-qgħad minn kif inhi fil-preżent, se titnaqqas b’mod drastiku ħafna – b’madwar għaxra fil-mija – bl-iskop li hekk tingħata l-impressjoni li fil-pajjiż ma hawnx problema ta’ xogħol.
Barra minhekk, il-Gvern se jkun qiegħed ukoll jakkomoda lil għadd kbir ta’ nies li qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet wiegħedhom li kemm-il darba jkun fil-Gvern, allura kien se jipprovdilhom xi tip ta’ xogħol.

Mira oħra li se tintlaqat permezz ta’ dan il-ftehim hu li l-Gvern se jwassal biex il-General Workers’ Union jkollha aktar dħul finanzjarju kbir li jlaħħaq miljuni ta’ ewro fuq firxa ta’ snin, wara li fl-aħħar 32 xahar diġà gwadanjat b’mod dirett minn diversi ftehim milħuq ma’ entitajiet tal-Gvern.


Il-GWU ma tweġibx għall-mistoqsijiet ta’ il-mument

Intant, mistoqsijiet mibgħuta lbieraħ lill-GWU baqgħu mhux imwieġba sakemm morna għall-istampa. Il-mistoqsijiet huma:
Xi ftehim laħqet il-GWU mal-Gvern fl-immanniġġjar ta’ ħaddiema li huma fl-Iskema ta’ Xogħol fil-Komunità?
Saru xi laqgħat min-naħa tal-GWU mal-ħaddiema konċernati?
Jekk iva, x’kien l-iskop ta’ dawn il-laqgħat?
Ma’ min u x’taħditiet saru mal-Gvern bħala parti minn dan il-ftehim?

Aktar dettalji fil-Il Mument