Tifel Sirjan ta’ sentejn kien l-ewwel vittma tal-2016 tal-kriżi tal-immigrazzjoni li ħakmet l-Ewropa fl-2015.
Dan wara li d-dinghy li kien riekeb fuqu f’baħar imqalleb fuq vjaġġ li beda mit-Turkija baqa’ dieħel fil-blat tal-gżira Griega ta’ Agathonisi. Abbord kien hemm 39 passiġġier ieħor li kienu salvati imma għaxra kellhom jingħataw kura minħabba l-kesħa tal-baħar.
It-tifel kien imtella’ l-art minn sajjieda li kienu fil-qrib.
Għad mhux magħruf in-nazzjonalità tat-tifel li miet.
Minkejja l-kesħa u r-riħ li hemm, numru kbar ta’ immigranti qed ikomplu jitilqu mit-Turkija bil-baħar bit-tama li jiżbarkaw fil-Greċja ħalli jibdew ħajja ġdida fl-Unjoni Ewropea.
Tul l-2015, kważi miljun persuna daħlu fl-Unjoni Ewropea wara li telqu bi vjaġġi bil-baħar jew mit-Turkija inkella mit-Tramuntana tal-Afrika. Fil-maġġoranza dawn kienu qed jaħarbu mill-ġlied li hemm fl-Afganistan, l-Iraq u s-Sirja. Vjaġġi li matulhom hu stmat li 3,600 persuna mietu.
Tifel żgħir l-ewwel vittma fl-2016 tal-kriżi tal-immigrazzjoni
