Internazzjonali

Tkompli titrażżan il-libertà tal-espressjoni f’Hong Kong

Hemm tħasib f’Hong Kong wara li impjegat ieħor ta’ kumpanija tal-kotba għeb misterjożament, aktarx maħtuf mill-forzi tas-siġurtà Ċiniżi. Il-kumpanija kienet tippubblika kotba kritiċi tal-Gvern f’Beijing.
Fix-xhur li għaddew kien hemm erba’ impjegati oħra ta’ din il-kumpanija li għebu f’ċirkustanzi mhux ċari.
L-aħħar li għeb hu Lee Bo, l-editur kap tal-kumpanija Sage Communications. Fost l-erbgħa l-oħra li għebu hemm ukoll Gui Minhai, li għandu ċittadinanza Żvediża u li għeb f’Ottubru waqt li kien fuq btala fit-Tajlandja.
Gruppi għad-drittijiet tal-bniedem qalu li hemm sforz mill-Gvern f’Beijing biex jevitaw li kotba stampati f’Hong Kong jinħarġu minn din l-ekskolonja lejn il-bqija taċ-Ċina.
Hong Kong kienet ingħatat liċ-Ċina mir-Renju Unit fl-1997 imma xorta baqgħet tgawdi minn ammont ta’ libertà meta mqabbla mal-bqija taċ-Ċina.
Sorsi qalu li dawn l-istampaturi ilhom is-snin jippubblikaw kotba li jikxfu l-borom dwar it-tmexxija f’Beijing u l-qraba tagħhom imma f’dawn l-aħħar xhur l-affarijiet inbidlu drammatikament bit-theddid biex jieqfu jippubblikaw il-kotba jiżdied.