Internazzjonali

Twissija lill-Arabja Sawdija ta’ tpattija divina

epa05086851 Iranian protestors hold posters of late Shiite cleric Nimr al-Nimr during a demonstration near the Saudi Arabian embassy in Tehran, Iran, 03 January 2016. Iranian Protesters have stormed the Saudi embassy building in the Iranian capital of Tehran early 03 January amid backlash over the execution of a prominent Shiite cleric. Flammable substance was seen thrown at the building as protests gained steam over the execution of Sheikh Nimr al-Nimr. Reports states, protesters taking down a Saudi flag and burned the building. EPA/ABEDIN TAHERKENAREH

L-Ayatollah Ali Khamenei, il-mexxej suprem Iranjan, wissa li l-Arabja Sawdija se tħabbat wiċċha ma’ “tpattija divina” minħabba l-eżekuzzjoni ta’ mexxej reliġjuż prominenti Xiita.
Dan wara li x-Sheikh Nimr al-Nimr kien fost 47 persuna li ngħataw il-piena tal-mewt fl-Arabja Sawdija fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Nimr kien mexxa protesti kontra t-tmexxija rjali fl-Arbaja Sawdija u kien meqjum ħafna fl-Iran, pajjiż Xiita, filwaqt li l-Arabja Sawdija hu pajjiż Sunnita Musulman.
Tard is-Sibt filgħaxija folla ħebbet għall-Ambaxxata Sawdita f’Tehran u parti mill-bini ngħata n-nar.
Uffiċjalment, dawk li ngħataw il-piena tal-mewt kienu akkużati b’terroriżmu. Iżda Khamenei qal li Nimr la kien imdaħħal f’movimenti armati u lanqas f’xi konfoffi. L-unika ħaġa, qal Khamenei, kien li Nimr kien kritiku ħafna tat-tmexxija fl-Arabja Sawdija.
Nimr kien mexxej ewlieni tal-protesti li kienu splodew fl-Arabja Sawdija wara r-Rebbiegħa Għarbija qabel ma kien arrestat fl-2012.
Il-protesti kontra l-qtil fl-Arabja Sawdija nfirxu fost diversi komunitajiet tal-Musulmani Xiiti madwar id-dinja.