Is-sena 2015 rat titjib fin-numru u fil-livell tal-ġurnalizmu investigattiv f’Malta, b’mod partikolari fil-qasam ambjentali. Dan qalu s-Segretarju Informazzjoni tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) Roderick Agius waqt it-tnedija tas-26 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards organizzati mill-istess Istitut.
Waqt konferenza tal-ahbarijiet iċ-Chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin Karl Wright qal li din il-premjazzjoni hi ċelebrazzjoni u rikonoxximent tax-xoħhol ġurnalistiku, mhux biss mill-ġurnalisti iżda anki mill-edituri, il-video editors, cameramen u fotografi, skont il-mezz tax-xandir jew l-istampa.
Karl Wright qal li din is-sena, bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’, tnediet kategorija ġdida: dik tal-ġurnaliżmu etiku fil-qasam tad-diżabilita’ biex issa hemm 16-il kategorija differenti skont il-kontenut u t-tip ta’ medium.
Karl Wright appella lill-media houses f’Malta biex ikomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-IĠM. Hu qal li l-Istitut jibqa’ rilevanti u jkun ta’ sostenn għall-ġurnaliżmu Malti jekk il-ġuranlisti stess jappoġġjawh.
Roderick Agius, Segretarju Informazzjoni tal-IĠM, qal li l-applikazzjonijiet se jintlaqgħu fl-10 ta’ Frar bejn id-9a.m. u nofsinhar. Madanakollu, wieħed jista’ japplika qabel billi jgħaddi s-sottomissjoni lilu.
Hu fakkar li filwaqt li ġurnalisti għandhom jissottomettu tliet kopji għal xogħlijiet bl-Ingliż, xogħlijiet bil-Malti jeħtieġu erba’ kopji. Dan minħabba l-premju fil-kategorija ġenerali tal-Lingwa Maltija fil-Ġurnaliżmu bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.
Il-finalisti jitħabbru f’serata fl-4 ta’ April, filwaqt li l-preżentazzjoni lir-rebbieħa mistennija ssir fis-7 ta’ Mejju.
//= $special ?>

