Il-forzi tas-sigurtà Ingliżi qed janalizzaw bir-reqqa filmat tal-ISIS, jew kif inhu magħruf wkoll bħala ISIL, li nħareġ il-Ħadd filgħaxija mimli theddid kontra r-Renju Unit. Filmat ta’ madwar għaxar minuti li fih jidher raġel mgħammad jitkellem bl-Ingliż, jgħajjar lill-Prim Ministru David Cameron. Fil-filmat jidher għall-ewwel darba raġel ġdid mgħammad, minflok dak li kien tlaqqam Jihadi John, l-Ingliż Mohammed Emwazi li f’Novembru nqatel f’attakk mill-ajru Amerikan.
Fil-filmat jinqatlu wkoll ħamest irġiel permezz ta’ tiri ta’ arma tan-nar għaliex intqal li kienu spjuni tal-alleanza mmexxija mill-Istati Uniti kontrihom. Xi wħud mill-ħamsa, qabel ma nqatlu, qalu li kienu minn Raqqa fis-Sirja u minn Bangazi fil-Libja.
B’reazzjoni għall-filmat, Cameron qal li l-filmat jixhed id-disperazzjoni li jinsab fiħ il-grupp li kull ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jitlef territorju fl-Iraq u s-Sirja u insista li r-Renju Unit qatt m’hi se tbaxxi rasha quddiem it-terrur.
Cameron jirreaġixxi għall-aħħar filmat tal-ISIS
