Lokali Saħħa

Diversi mistoqsijiet u dubji dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptarijiet f’pajjiżna

Il-Partit Nazzjonalista iqis is-settur tas-saħħa bħal ta’ importanza kruċjali u l-politika dwar is-saħħa kienet minn dejjem fuq quddiem nett tal-aġenda ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti. Issa l-PN qed juża ż-żmien fl-Oppożizzjoni sabiex ikompli jtejjeb il-politika tiegħu f’dan il-qasam.

F’introduzzjoni qasira waqt laqgħa mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN qal li hemm żewġ punti li huma ta’ tħassib għall-Oppożizzjoni fis-settur tas-Saħħa. L-ewwel hu l-privatizzazzjoni ta’ numru ta’ sptarijiet iżda l-iktar li tqajjem tħassib hi l-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għaliex dan hu l-uniku sptar pubbliku fil-gżira Għawdxija.

It-tieni fattur li qed iqanqal tħassib hu dwar x’se jiġri mill-istudenti Maltin tal-Mediċina fl-Universita’ ta’ Malta, ladarba jibdew jaslu l-istudenti mill-iskola medika ta’ Barts. Simon Busuttil qal li hemm numru limitat ta’ studenti li jżuru lill-pazjenti. Hu staqsa min se jingħata preċedenza, jekk hux l-istudenti li qed iħallsu jew l-istudenti Maltin fl-Universita’ ta’ Malta.

Simon Busuttil qal ukoll li l-Oppożizzjoni ikkontribwiet għal dan is-settur hekk kif fil-ġimgħat li ġejjin, il-Parlament se jkun approva b’mod unanimu, liġi dwar stil ta’ ħajja sana. Il-Kap tal-PN qal li din hi l-ewwel darba li se jkun hemm liġi sħiħa li se tkun tressqet mill-Oppożizzjoni.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MAM Gordon Caruana Dingli qal li l-Assoċjazzjoni Medika ma taġixxix biss bħala union li tmexxi ‘l quddiem l-interessi tat-tobba iżda wkoll bħala assoċjazzjoni li taħdem favur it-titjib tal-istandards fil-qasam tas-saħħa.

Gordon Caruana Dingli qal li l-MAM ma tidħolx fil-mertu dwar jekk għandhiex issir privatizzazzjoni jew le, iżda l-interess prinċipali tagħha huma l-ħarsien tal-istandards għall-pazjenti u t-tobba Maltin.

Dwar it-taħriġ tal-istudenti tal-Mediċina fl-Universita’ ta’ Malta, il-President tal-MAM qal li l-Universita’ ta’ Malta għandha 450 sena u l-iskola medika hi fost l-eqdem fl-Ewropa. Hu qal li l-interess tal-Assoċjazzjoni Medika li l-iskola medika iżżomm l-istandards għoljin li qed tgawdi bħalissa.

Hu fuq dawn il-prinċipji li l-MAM qed tinnegozja mal-Gvern. Gordon Caruana Dingli appella sabiex kulħadd jaħdem sabiex ikun hemm l-aħjar servizz tas-saħħa possibbli.

Matul il-laqgħa, Simon Busuttil ippreżenta kopja tad-dokument dwar il-governanza tajba maħruġ mill-PN lill-MAM.