It-tibdil fir-rotot li saru riċentament minn Transport Malta fl-aħħar ġimgħat ħolqu sensiela ta’ inkonvenjenza għal dawk li jużaw tal-linja.
Fost l-oħrajn ir-residenti ta’ Ħal Farruġ li r-rotot tagħhom jew inbidlitilhom ir-rotta jew inkella saru jieqfu kmieni.
Mill-Għargħur ukoll, rotta li kienet tmur l-isptar issa saret iddur dawra sħiħa u dawk li jużawha jridu jibdlu minn karozza tal-linja għall-oħra.
Din il-kamra tal-aħbarjiet irċieviet wkoll ilmenti minn naħa t’isfel ta’ Malta hekk kif inbidlet ir-rotta bin-numru ta’ 120 lejn l-Universita’, li issa bdiet iddur numru ta’ lokalitajiet ġodda u għalhekk twal ħafna l-vjaġġ għall-istudenti.
Fl-aħħar jiem il-Front Favur il-Mina wera t-tħassib serju tiegħu bit-tibdil riċenti tar-rotta X1, l-unika rotta diretta miċ-Ċirkewwa għaċ-ċentru ta’ Malta.
Bit-tibdil, il-waqfa ta’ Mater Dei tneħħiet bil-konsegwenza li l-istudenti li joqgħodu s-Swatar u li jridu jmorru l-isptar issa jridu jfittxu rotot oħra. Dan wassal ukoll biex l-istudenti tas-Saħħa, ħaddiema u pazjenti li jużaw l-isptar Mater Dei issa nħolqilhom inkonvenjent.
Barra minn hekk l-X1 issa qed iddur miċ-ċentru tal-Mellieħa, bil-konsegwenza li l-vjaġġ twal u dan se jwassal biex jiżdied iċ-ċans li l-istudenti jitilfu l-vjaġġi tal-Gozo Channel.
Dwar l-istess problema tkellem ukoll il-grupp Universitarji Għawdxin li fi stqarrija talab biex ir-rotta X1 titranġa immedjatament.
Il-grupp wera d-diżappunt tiegħu li ma nżammitx il-wegħda ta’ Transport Malta li l-ħinijiet tal-istess rotta jsiru b’mod maħsub biex l-Għawdxin ilaħħqu l-vjaġġi tal-Gozo Channel.
//= $special ?>