Internazzjonali

Dubji dwar il-proċess ta’paċi Libjan

Hemm dubji dwar x’se jiġri mill-proċess ta’ paċi Libjan. Dan wara li l-pjan fi tmiem il-ġimgħa ma kienx approvat mill-Parlament Libjan bażat fi Tripli u Martin Kobler, ir-rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, beda s-sena fuq nota ħażina.
Dan wara li konferenza tal-aħbarijiet li kien qed jagħti fl-ajruport ta’ Tripli kienet interrotta minn uffiċjali tal-Gvern ta’ Tripli għaliex hu ma kellux il-permess ikellem il-ġurnalisti.
Apparti minn hekk, il-Gvern Libjan bażat f’Tobruk keċċa lil Ibrahim Dabbashi, l-Ambaxxatur tiegħu għan-Nazzjonijiet Uniti.
Ftit ġranet ilu l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti vvota biex l-għarfien issa jkun f’idejn il-Gvern tal-għaqda nazzjonali mmexxi minn Faiez Serraj. Gvern frott il-ftehim li kien sar bil-medjazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Marokk u li suppost iż-żewġ partijiet qablu dwaru.
Dabbashi kien ta l-appoġġ tiegħu lill-Gvern ta’ Serraj. Dan hekk kif il-komunità internazzjonali qed tkompli twissi li hemm bżonn l-għaqda fil-Libja inkella l-ISIS kien se jissaħħaħ b’tali mod li jkun diffiċli ħafna li wieħed jeħles minnu fil-Libja.