Eks uffiċjal tas-sigurta’ ingħata l-liberta’ provizorja u ordnijiet biex ma jersaqx lejn Paceville mill-Qorti wara li t-Tnejn tressaq mill-Pulizija akkużat li bi traffikar ta’ 20 gramma kokaina u li kien fil-pussess tal-istess kokaina inqas minn 100 metru bogħod minn post iffrekwentat minn żagħżagħ.
Mark Allison ta’ 39 sena, li hu Malti imwieled fir-Renju Unit, wieġeb mhus ħati tal-akkużi miġjuba kontrih il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera. Allison kien wieħed minn 26 persuna li kienu arrestati mill-pulizija lejliet l-Ewwel tas-Sena fuq reati marbuta mad-droga.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat ikkollabora mal-pulizija fejn fost oħrajn ammetta li ilu jitraffika d-droga minn Novembru li għadda.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Herman Mula, oġġezzjonat għat-talba tal-liberta’ proviżorja għaliex fuq ammissjoni tiegħu stess, l-akkużat għandu problema tad-droga u dan jista’ jwassal biex jitwettaq reat ieħor.
L-Avukat Alessandro Lia f’isem Allison qal li l-akkużat ilu jgħix b’mod permanenti f’Malta sa minn meta kellu tliet snin, sa ftit ilu hu kien jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurta u għen lill-pulizija f’diversi okkażjonijiet. Hu qal li l-aħħar darba li Allison xellef difrejh mal-ġustizzja kien fl-1999.
//= $special ?>

