BLOGS

Erġajna Sraqnielhom il-Vaganzi tal-Milied

Sena ġdida fl-isfond tal-psike tal-bniedem iġġib magħha – imqar jekk superfiċjalment – ħsebijiet dwar il-ġejjieni li fihom jirrikonoxxi sfidi personali.

Għalkemm sena kalendarja ġdida ma tfissirx il-bidu ta’ sena skolastika, Jannar huwa importanti għaliha daqstant ieħor; is-sena tkun issettiljat, il-kurrikuli qabdu r-ritmu, il-kwinti jħejju ruħhom għall-eżamijiet finali… Madankollu, kull Jannar ikun ifisser bidla fl-annu, l-annu li jagħti l-bidu għas-sena skolastika li jmiss wara li tulu għandhom jitħejjew il-bidliet meħtieġa għall-aħjar skont il-kejl tas-sena akkademika li tkun intemmet.

Fir-realtà iżda nafu, li qajla ssir l-evalwazzjoni professjonali, għax jekk kellha qatt tieħu postha, kieku llum ninsabu niddiskutu bis-serjetà dwar l-effetti negattivi (bil-wisq aktar minn dawk il-ftit pożittivi) tax-xogħol tad-dar. Hija ħasra li minkejja riforma wara l-oħra, bidla fuq bidla li lkoll jindirizzaw ħteġijiet ġodda ibbażati fuq l-istudji xjentifiċi, bħala pajjiż għadna marbuta ma’ tradizzjoni mhux ġustifikata bl-istudju ta’ ħomwerk li mhu qiegħed jagħtina l-ebda avvanz, għall-kuntrarju ta’ dak li nemmnu (nirrepeti,skont mitoloġija u mhux studju).

Dan is-suġġett jimmerita diksussjoni wiesgħa bejn il-partijiet kollha involuti u bħalma bħala pajjiż wasalna biex neħħejna l-madmad konservattiv f’diversi oqsma soċjali u kulturali, irid jasal iż-żmien li fih nibdew verament nemmnu li wasal iż-żmien li l-iskejjel tagħna, bħalma għandhom politika dwar litteralment kollox, ikollhom politika – abbażi r-riċerka – dwar il-ħomwerk.

Ir-riformisti fl-Era Progresiva (bejn l-1890 u l-1920) kienu jqisu x-xogħol tad-dar bħala ‘dnub’ għaliex iċaħħad lit-tfal minn tfulithom. Illum, meta wieħed jieħu b’ ċerta serjetà l-istudju jista’ jasal għal din il-konklużjoni, aktarx kwantifikata. Madankollu, dan huwa dibattitu li ma jista’ qatt jilħaq il-kompromess bejn dawk li jaqblu mal-ħomwerk u dawk li le, imma rridu nikkonfrontaw liż-żewġ partijiet bir-riċerka, għaliex hija ħasra li f’pajjiż li llum nistgħu nikkunsidrawh bħala progressiv, għandna nemmnu dak li mhux minnu, li x-xogħol tad-dar fl-ewwel 8 snin ta’ skola obbligatorja huwa ta’ benefiċju.

Bi preparazzjoni għal dan l-artiklu, iltqajt ma’ għadd imdaqqas ta’ studji fosthom it-TIMSS (Trends in Mathematics and Science Study), studju internazzjonali li fih Malta ma tikkwalifikax mal-pajjiżi tan-naħa ta’ fuq. Huwa kkonfermat, li ma hemm l-ebda relazzjoni pożittiva bejn dawk il-pajjiżi li huma magħrufa għall-għoti tal-ħomwerk bħal Malta u s-suċċess akkademiku. Studji komparattivi ma jikkonfermaw l-ebda gwadann minn xogħol mogħti għad-dar. Għalhekk, pajjiżi li tradizzjonalment il-ħomwerk mhuwiex fil-‘policies’ tal-iskejjel, ikollhom riżultati bil-wisq aktar effettivi minn pajjiżi bħal Malta! Din l-istatistika għaldaqstant tistiednek tevalwa sewwa l-konsegwenzi (negattivi biss) wara din il-prassi msejsa biss fuq tradizzjoni twila mhux riċerkata. Dawn huma xi effetti:

1. Ix-xogħol tad-dar iżid l-istress u jikkawża frustrazzjoni minħabba li jnaqqar mill-ħin liberu tat-tfal, tant li jżid l-istress fuq il-ġenituri (li mbagħad jirrifletti f’uliedhom) minħabba l-ammont sostanzjali ta’ ħin (għalxejn) li jridu jqattgħu ma’ wliedhom sabiex jgħinuhom jagħmlu xogħol li aktar iva milli le ma jkollu ebda rabta jew sinifikat partikolari mat-tagħlim. Interesanti li nikkunsidraw, li x-xogħol żejjed għad-dar mogħti lil dawk li fehmu xogħolhom fil-klassi hu biss ħela ta’ ħin, waqt li għal dawk li ma fehmux, huwa biss stedina għal aktar frustrazzjoni.

2. Effettivament, minħabba li fil-maġġoranza jkunu l-ġenituri li jgħinu lil uliedhom f’xogħolhom (qed nirreferi għal dawk tal-Primarja u l-ewwel sentejn tas-Sekondarja), huwa aktarx inutli li l-għalliem jiddedika ħin (li jista’ jkun utilzzat għall-preparazzjoni) biex jikkoreġi lill-ġenituri!

3. Huwa evidenti li x-xogħol tad-dar qiegħed ibiegħed dejjem aktar lill-istudenti mit-tagħlim. Wara sigħat sħaħ l-iskola, it-tfal ma jixirqilhomx aktar minn 3o minuta xogħol darbtejn jew tlieta fil-ġimgħa. Nistgħu nifhmu dan jekk nirrealizzaw li t-tfal għandhom dritt igwadu tfulithom li hija mixgħula bl-immaġinazzjoni.

4. Hemm anqas ċans li t-tfal jaqraw il-kotba jew ifittxu fuq l-internet informazzjoni utli li tgħinhom jikbru imma fl-istess waqt ma jkunux oppressati bil-ħin u l-biża’ tal-konsegwenza jekk kemm-il darba ma jlaħħqux xogħolhom u jekk ma jagħmluhx skont kif mistenni.

5. Jekk verament nemmnu fl-ugwaljanza fil-klassi, allura l-ħomwerk imur kontra kull forma ta’ ugwaljanza. Tfal ġejjin minn familji fejn il-ġenituri huma edukati u jistgħu jagħtu ħin lil uliedhom ser ikollhom vantaġġ fuq oħrajn li meta jmorru d-dar u ma jsibu lil ħadd li jkun jista’ jagħtihom l-attenzjoni rikjesta. Dan ikompli jgħarraq is-sitwazzjoni u jnaqqas l-interess fl-iskola, meta huwa fatt, li dawn tal-aħħar jeħtiegu l-aktar.

6. Kull xogħol mogħti mill-għalliema, ikun aktar effettiv jekk ikunu l-għalliema stess li jgħinu lill-istudenti tagħhom jaslu għalih, għalhekk għandu jsir fil-klassi b’approwċ diretta u ppjanata skont il-ħteġijiet tal-individwu kif ġeneralment qiegħed isir. Imma mhux l-istess għal dak tad-dar. Għaliex uliedna jridu jaħdmu 30 somma tal-istess tip meta l-kunċett ikunu fehmuh jew ma fehmuhx?

Għalhekk, is-sistema għandha tkun riveduta.

Irridu qabel xejn nifhmu darba għal dejjem li l-ħomwerk qed iħalli biss konsegwenzi negattivi u serji waqt li ma nibqgħux nemmnu tradizzjoni li ma għandha l-ebda evidenza xjentifika.

Irridu wkoll inqisu li ma nistgħux immorru minn estrem għal ieħor, imma nikkunsidraw ‘homework policies’ standardizzati fejn pereżempju x-xogħol jingħata biss għal suġġett wieħed darbtejn fil-ġimgħa u għal mhux aktar minn 3o minuta fil-primarja, u suġġett wieħed mit-tliet suġġetti ewlenin li ma jiħux aktar minn 45 minuta skont jum skedat fl-ewwel sentejn tas-sekondarja; it-Tnejn jingħata x-xogħol tal-Matematika, l-Erbgħa x-xogħol tal-Ingliż u l-Ġimgħa jingħata tal-Malti.

Irridu nistaqsu lit-tfal tagħna verament x’jaħsbu dwar dan kollu.

Irridu nistiednu lill-edukaturi jesploraw imqar term wieħed fejn fih ma jingħatax xogħol għad-dar u wara ssir evalwazzjoni bir-reqqa tas-sitwazzjoni ħolistika kollha.

Finalment, bħala edukatur u bħala politiku nsejjaħ b’responsabbiltà għall-bidu tad-diskussjoni dwar dan is-suġġett għaliex qegħdin nitilfu wisq ħin insegwu t-tradizzjoni. Wasal iż-żmien li nimmaturaw u nsejħu l-partijiet kollha biex nieħdu deċiżjoni waħda, unanima u għaqlija li tkun tappartjeni għal kulħadd. Jekk le, jibqa’ jkollna l-preġudizzju u l-kompetizzjoni. L-unika kompetizzjoni għandha tkun bejn passat bi tradizzjoni li ma tatx ir-riżultati mixtieqa u l-futur ibbażat fuq ir-riċerka li aktarx jibda jagħtina r-riżultati li nixtiequ.

Minn hemm ‘il quddiem, uliedna jibdew jistennew il-vaganzi tal-Milied b’aktar ottimiżmu u mhux imxekkla b’volum ta’ xogħol li ma jafux meta u kif se jlestuh!

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal In-Nazzjon tat-Tnejn, 4 ta’ Jannar, 2016.

Justin Schembri hu Kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq it-8 Distrett