Lokali

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

L-Erba’ ġurnali ewlenin għandhom stejjer differenti fl-ewwel faċċati rispettivi tagħhom għall-lum it-Tnejn 4 ta’ Jannar.

IN-NAZZJON għandu bħala storja ewlenija, il-ġrajja ta’ raġel Bulgaru li sab saqajh u twieled mill-ġdid grazzi għall-programm tal-Caritas f’Malta. Ir-raġel kellu problemi kbar ta’ droga u xorb. Fl-ewwel faċċata wkoll, in-NAZZJON jirrapporta dwar inċident tat-traffiku li fih żagħzugħ Bulgaru ta’ 22 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar minn karozza ħdejn Bieb il-Bombi

TIMES OF MALTA jirrapporta dwar in-nixfa mhux tas-soltu li għaddejja minnha Malta fejn bdiewa qed jibżgħu li jekk ma jinbidilx it-temp, se jitilfu l-prodotti tagħhom u jkun hawn skarsezza ta’ frott u ħaxix fix-xhur li ġejjin. Storja oħra fl-ewwel faċċata hi dwar il-liġi tal-finanzjament tal-partiti li daħlet fis-seħħ fil-bidu ta’ din is-sena. Il-Partit Nazzjonalista jgħid li se jressaq kontijiet awditjati sal-aħħar ta’ April tas-sena d-dieħla. Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista għadu ma tax data dwar meta se jippreżenta dawn il-kontijiet kif titlob il-liġi.

THE MALTA INDEPENDENT intervista lill-Ombudsman Joseph Said Pullicino li qal li hu mhux favur li r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman ikunu inforzati bil-liġi. Fl-intervista, il-Prim Imħallef Emeritu jgħid li kieku jiġri hekk, l-Ombudsman isir qisu qorti u b’hekk jintilef il-kunċett kollu tal-Ombudsman, li primarjament hu wieħed ta’ medjatur. Il-ġurnal jirrapporta wkoll li infermier fl-Isptar Monte Carmeli mistenni jitressaq quddiem il-Qorti iktar tard dan ix-xahar akkużat b’allegat swat fuq tfajjel ta’ 10 snin.

L-ORIZZONT jirrapporta dwar ir-rikonoxximent li ngħata l-Kuntistabbli Paul Cassar bħala l-Uffiċjal tas-Sena fil-Korp tal-Pulizija wara li s-sena li għaddiet, hu salva koppja min-nirien u waqqaf persuna milli twettaq suwiċidju. Fl-ewwel faċċata wkoll, l-ORIZZONT jirrakkonta l-ġrajja ta’ omm ta’ żewġt itfal żgħar li tinsab f’periklu li tispiċċa barra t-triq. Din l-omm għandha żewġt itfal ta’ tliet snin u sentejn u tinsab fuq il-benefiċċji soċjali li m’humiex biżżejjed biex tixtri l-ikel, ħrieqi u kera għall-akkomodazzjoni.