Qed ikompli jikber it-tħassib f’Hong Kong, il-belt li tgawdi aktar libertà mill-bqija taċ-Ċina, għal mod kif qed jitnaqqru bil-mod dawn il-libertajiet.
It-tħassib kompla jikber wara li issa telgħu għal ħamsa l-impjegati ta’ kumpannija ta’ kotba li huma kritiċi tal-Gvern f’Beijing li għebu misterjożament. Is-suspetti ewlenin huma li dawn inħatfu mis-servizzi tal-Gvern Beijing imma uffiċjalment s’issa ħadd ma jaf xejn.
Is-sitwazzjoni wasslet biex Leung Chun-ying, li jmexxi Hong Kong u hu qrib il-Gvern ta’ Beijing, jilmenta dwar l-għajbin ta’ Lee Bo, l-aħħar mill-kumpannija li għeb. Leung qal li kien ikun inaċċetabbli u kontra l-Kostituzzjoni li membri tal-forzi tas-sigurtà Ċiniża wettqu dan il-ħtif. Dan fost l-oħrajn peress li skont il-liġijiet ta’ Hong Kong, huma l-forzi tas-sigurtà ta’ din l-eks kolonja Ingliża li jistgħu jaħdmu f’Hong Kong u mhux dawk mill-bqija taċ-Ċina.
Sadattant il-ġurnalista Alex Lo f’artiklu li kiteb fil-ġurnal ewlieni ta’ Hong Kong, The South China Morning Post, qal li s’issa “t-taħbita fuq il-bieb fil-ħemda tal-lejl” ma kenitx xi ħaġa li l-ġurnalisti f’Hong Kong kellhom jinkwetaw dwarha.
Lee għeb nhar l-Erbgħa iżda s-Sibt ċempel lil martu biex jinfurmaha li kien qed jgħin f’investigazzjoni u ma semgħet xejn aktar minnu. L-erbgħa l-oħra għebu f’Ottubru, wieħed minnhom waqt btala fit-Tajlandja.
Issa nħareġ ukoll filmat fuq l-Internet minn attivista ewlenija favur id-demokrazija biex tiftaħ għajnejn id-dinja għal dak li qed jiġri f’Hong Kong.
Agħfas il-link għall-filmat
//= $special ?>