Lokali

Iktar kritika għall-propaganda ta’ Muscat

Tiżdied il-kritika għall-messaġġ qarrieqi u ta’ propaganda li xandar il-Prim Ministru Joseph Muscat fl-Ewwel tas-sena.

Iktar kmieni din il-ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista talab rimedju għal dan il-messaġġ li, flok ma kien messaġġ lin-nazzjon kollu, kellu kontenut ta’ politika partiġġjana u materja ta’ kontroversja politika.

Fil-blog tagħha, l-artikolista Daphne Caruana Galizia żvelat il-qerq ta’ Muscat hekk kif il-familja li mar iżur taparsi koppja ħaddiema first-time buyers ta’ propjeta’ fir-realta’ huma sidien ta’ waħda mill-ikbar kumpaniji tal-għamara f’Malta.

Issa fuq Facebook, anki d-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia ikkritikat il-messaġġ ta’ Muscat tal-Ewwel tas-sena. F’post fuq il-paġna tagħha, Marlene Farrugia qalet li kien ikun aħjar li kieku l-Prim Ministru xandar dan il-messaġġ mill-kċina ta’ omm li qed tistinka u titħabat biex tlaħħaq mal-ħajja.

Qalet ukoll li kien ikun aħjar li kieku l-flus li qed jintefqu fuq propaganda biex naljenaw lill-poplu u għanijiet dubjużi oħra, kienu jitqassmu bejn il-familji li qed jissaraw mal-ħajja.

Fuq l-istess post fuq Facebook, Marlene Farrugia irriproduciet messaġġ ta’ mara bi tliet itfal li mhux qed tlaħħaq mal-ispejjeż tal-ikel, mediċini u l-edukazzjoni. U minkejja dan, hi mhux intitolata għal tqassim ta’ ikel b’xejn mill-Unjoni Ewropea.