Għawdex Lokali

Problemi f’Għawdex – l-MV Malita jieqaf bil-ħsara

Problemi għall-Għawdxin li dalgħodu riedu jaqsmu lejn Malta biex jibdew ix-xogħol wara l-jiem tal-festi. Dan hekk kif wieħed mill-vapuri, l-MV Malita, żviluppawlu xi problemi.

Jidher li l-ħsara żviluppat fir-rampa u dawk li marru jistennew fil-Port tal-Imġarr għall-vjaġġ tat-08:15 minflok ittellgħu abbord l-MV Gaudos.

Imma dan mhux qabel l-MV Malita kellu jdur biex il-vetturi u passiġġieri li kienu laħqu daħlu jkunu jistgħu joħorġu minn naħa l-oħra. Dan ħoloq kjuws kbar waqt li l-Imġarr wieħed seta’ jinnota ħaddiema biċ-cherry picker fuq ir-rampa tal-istess vapur u fuq il-baħar b’dgħajsa.

Filgħodu kellu jsir ukoll vjaġġ addizzjonali fil-05:50 biex jilqa’ għad-domanda.

20160104_084941-1-1

Intant minn għada hu skedat li vapur ieħor, din id-darba l-MV Gaudos, jiddaħħal għat-tiswija u mistenni jibqa’ barra mis-servizz sa nhar it-Tlieta 28 ta’ Jannar.

S’issa għad mhux magħruf jekk il-problemi tal-MV Malita hux se jaffettwaw l-manutenzjoni skedata fuq il-Gaudos, li se twassal ukoll biex il-vjaġġi ta’ filgħodu se jibdew isiru kull nofs siegħa u jitilqu mill-Imġarr 06:00, 06:30, 07:00 u s-07:30 u miċ-Ċirkewwa fis-06:30, 07:00 u fis-07:30 mit-Tnejn sal-Ġimgħa.

Persuni li tkellmu magħna wrew it-tħassib tagħhom li l-iskeda ġdida mhux se tkun biżżejjed hekk kif hu mpossibbli li vapur f’siegħa jilħaq jgħabbi u jħott il-vettura u jagħmel il-vjaġġ bejn Malta u Għawdex.

Intant f’risposta bi dritt għar-risposta li bagħtet il-kumpanija jingħad li l-vjaġġ sar bl-MV Gaudos mhux minħabba li l-MV Malita ġarrbet xi ħsara iżda biex isiru spezzjonijiet ta’ manutenzjoni fuq ir-rampi u l-bow visor.