“Ili Malta għal dawn l-aħħar disa’ xhur. Ġejt bi problemi kbar tad-droga u x-xorb. Kont waqajt ukoll f’dipressjoni kbira. Ħajti kienet litteralment spiċċat u quddiemi kelli għażla – jew li nipprova nqum fuq saqajja, jew inkella li nkompli nitgerbeb lejn it-tmiem.
“Għażilt li nipprova nibda mill-ġdid u oħti – li kienet tgħix Malta – inkoraġġietni nibda programm ta’ riabilitazzjoni mill-Caritas Malta. Hekk għamilt. U llum, wara tmien xhur li ili nsegwi dan il-programm, inħossni li qed nitwieled, ftit ftit, mill-bidu.”
Dan stqarru ma’ In-Nazzjon Enzo Barbov, Bulgaru ta’ 36 sena li bħalissa qed jagħmel il-programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga organizzat mill-Caritas Malta fiċ-Ċentru ta’ San Blas.
Ma’ Enzo Barbov iltqajt f’San Blas stess. Fissirli kif fil-jiem li għaddew kien għadu kemm għadda minn esperjenza qawwija mill-aktar pożittiva.
Kollox beda ftit tal-ġimgħat ilu meta waqt waħda mis-sessjonijiet ta’ riabilitazzjoni, min kien qiegħed imexxi dik is-sessjoni staqsa lil dawk preżenti x’kienet ix-xewqa tagħhom. Anki minħabba li kien qed joqrob il-Milied.
Enzo Barbov qal li hu kien stqarr li l-akbar xewqa li kellu kienet dik li jmur il-Bulgarija biex jara lil missieru li ma kienx f’qagħda ta’ saħħa tajba. Fil-fatt l-informazzjoni li kellu kienet li missieru kien ħażin ħafna u għalhekk ix-xewqa tiegħu kienet li jiltaqa’ miegħu qabel ma missieru jagħlaq għajnejh għal dejjem.
Min kien qiegħed imexxi dik is-sessjoni ta’ riabilitazzjoni kien intlaqat b’dik ix-xewqa ta’ Enzo Barbov li waħdu ma setax jagħmel il-ħolma tiegħu realtà, fosthom għaliex ma kellux finanzi.
Madankollu t-tmexxija tal-Programm f’San Blas, f’idejn Ernest Cherrett li jagħmel ħafna xogħol imprezzabbli, bdiet tiddiskuti kif setgħet taqta’ din ix-xewqa ta’ dan il-Bulgaru.
Kien hemm numru ta’ fatturi, fosthom il-possibbiltà li dan il-Bulgaru jittieħed f’pajjiżu u ma jkunx irid jirritorna Malta biex jissokta bil-programm. Kien hemm ukoll il-fattur li ħadd ma jaf kif kien se jintlaqa’ mill-familja tiegħu.
Imma fl-aħħar ittieħdet id-deċiżjoni – Ernest Cherrett imur jakkumpanjah. Il-Caritas ħallset sal-inqas ewro u fil-jiem ta’ qabel il-Milied li għadna kemm iċċelebrajna Enzo Barbov u Ernest Cherrett marru għal numru ta’ jiem il-Bulgarija.
Il-Bulgaru qal li din kienet esperjenza qawwija ħafna. “Iltqajt ma’ missieri u bkejna bil-ferħ flimkien. Tal-familja laqgħuni ħafna u huma kburin u kuntenti li jien qed nagħmel dan il-programm f’Malta biex nerġa’ nsib lili nnifsu u nqum fuq saqajja.”
Enzo Barbov, b’għajnejh ileqqu bid-dmugħ, kompla li fil-jiem li dam il-Bulgarija kellu l-opportunità li jitkellem fit-tul ħafna mal-ġenituri tiegħu. Kellu wkoll iċ-ċans li joħroġ u jgawdi l-belt sabiħa li kien joqgħod fiha – Povdiv. U lil Ernest Cherrett dawru dawra sew mal-belt u spjegalu wkoll l-istorja li għaddiet minnha sa minn meta kienet maħkuma mit-Torok u kif kellhom ikunu r-Russi li ħelsuha minn idejn l-għadu. Urieh ukoll il-fdalijiet Rumani f’villaġġ li sa issa għadu mhux mittiefes.
Enzo Barbov jgħid li lura fil-programm biex ikompli r-riabilitazzjoni tiegħu jinsab b’ħafna entużjażmu u impenn li jkompli miexi ’l quddiem biex jasal dak il-jum li hu jirritorna l-Bulgarija u jibda ħajtu mill-ġdid.
Jagħraf li sa issa fit-tmien xhur li ilu għaddej bil-programm, irnexxielu jagħmel qabżiet kbar ’il quddiem. Irnexxielu jagħmel kisbiet kbar. Iżda jagħraf ukoll li fadallu ħafna x’jimxi ’l quddiem sakemm ikun jista’ jingħaqad mal-familja tiegħu fi Plovdiv.
Enzo qalilna li fil-Caritas Malta sab mhux biss imħabba kbira ħafna u direzzjoni mill-aqwa biex seta’ jibda jqum fuq saqajh, iżda sab fiha familja ġdida li qatgħetlu l-ikbar xewqa ta’ ħajtu u tatu skop għalfejn jgħix.
Fil-futur qrib Enzo Barbov se jibda jitħalla joħroġ fi tmiem il-ġimgħa u jmur għand familja li tkun viċin tiegħu. Madankollu daqt jasallu wkoll il-mument li jibda jidħol fis-suq tax-xogħol u minħabba f’hekk Caritas Malta qed tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex dawn il-passi ’l quddiem fil-ħajja ta’ din il-persuna jkunu jistgħu jsiru b’suċċess.
In-Nazzjon tkellem ukoll ma’ Ernest Cherrett li qal li x-xogħol kollu li qed tagħmel Caritas Malta qed tagħmlu mill-qalb. “U din l-esperjenza qawwija ħafna tal-għaqda mill-ġdid bejn Enzo Barbov u l-familjari tiegħu fil-Bulgarija hi xhieda ħajja ta’ ħidmet il-Caritas li tagħmel dak kollu li tista’ biex bl-aktar mod tanġibbli ġġib kwalità aħjar ta’ ħajja fost il-membri li jkunu għaddejjin mill-programm.”
Hu qal li Caritas Malta tibbaża l-ħidma tagħha fuq l-għoti tal-għajnuna permezz tal-imħabba. “L-esperjenza ta’ Enzo Barbov kienet waħda qawwija ħafna. Ħadna ħafna sogri kbar b’dak kollu li għamilna, iżda fl-aħħar mill-aħħar Enzo Barbov f’kull mument fittex li joħroġ magħna ta’ raġel… u rnexxielu għaliex ġejna lura qawwijin u sħaħ u Enzo għandu ġewwa fih ħafna adrenalina biex jissokta l-programm u jtemmu b’suċċess.”
//= $special ?>

